Imnedija l-kampanja għal aktar għarfien #endzheimer

Id-Dementia Helpline se tinbidel f’waħda li topera 24 siegħa kuljum

Is-Segretarju Parlamentari Justyne Caruana
Is-Segretarju Parlamentari Justyne Caruana

Ilum ġiet imnedija l-kampanja #endzheimer, kampanja li se tkun qegħda tiffoka biex jiżdied l-għarfien fuq bażi nazzjonali dwar id-dimensja. Is-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva, Justyne Caruana ħabbret dan waqt konferenza tal-aħbarijiet illum u spjegat kif il-kampanja se tkun mifruxa kemm fuq il-midja lokali, kif ukoll permezz ta’ attivitajiet li se jiġu organizzati bl-għan li titwassal iktar informazzjoni lill-pubbliku dwar il-kundizzjoni tad-dimensja.

Justyne Caruana ħabbret li l-Gvern se jkun qiegħed jaħdem biex jibdel id-Dementia Helpline, li bħalissa tiġi operata mill-Malta Dementia Society mill-10am sas-1pm, għal waħda li topera 24/7. Qalet li dan huwa neċessarju biex nassiguraw l-aqwa servizzi tad-dimensja u sabiex kull persuna li tkun teħtieġ l-għajnuna tkun tista’ tirrikorri għal dan is-servizz kuljum u f’kull ħin billejl u bi nhar. Semmiet ukoll li hemm servizz ta’ “Contact a Professional” fuq is-sit uffiċjali tal-kampanja, fejn wieħed jista’ jikkuntattja persuna professjonista fil-qasam.

Justyne Caruana qalet li din il-kampanja hija parti mill-istrateġija tad-dimensja adottata minn dan il-Gvern li ġiet imħabbra ftit tal-ġimgħat ilu iżda li diġà bdiet tiġi implimentata. Semmiet li bħalissa qed jiġi mqassam materjal informattiv fil-postijiet pubbliċi madwar Malta, fosthom Bereġ tas-Saħħa, Ċentri ta’ Matul il-Jum għall-anzjani, u wħud mid-dipartimenti tal-Gvern. Qalet ukoll li bħalissa hemm miftuħa sejħiet għal applikazzjonijiet għal tim ta’ professjonisti speċjalizzati fid-dimensja biex jaħdmu mal-persuni bid-dimensja u l-familji taghhom fil-komunità.

Is-Segretarju Parlamentari ħeġġet biex aktar nies jipparteċipaw fil-kampanja billi javviċinaw lis-Segretarjat bl-ideat tagħhom u jsegwu l-website uffiċjali, il-Facebook u t-Twitter uffiċjali.

FACEBOOK: https://www.facebook.com/endzheimer
TWITTER: https://twitter.com/endzheimer
SIT: www.dementia.gov.mt

More in Socjali