L-effetti tat-theżżiża fin-Nepal jinħassu wkoll f'Milan

Expo2015 - ħaddiema minn madwar id-dinja jibnu l-istand tan-Nepal b'solidarjetà mal-ħaddiema Nepaliżi

It-theżżiż tat-terremot li laqat in-Nepal qed jinħass ukoll f'pajjiżi mbegħdin minnu - propjament fl-Italja fejn din is-sena qed tiġi organizzata l-Expo2015, li l-ftuħ tagħha ħa jsir għada, l-Ġimgħa l-1 ta' Mejju.

Wara t-terremot li laqat in-Nepal ftit tal-jiem ilu, il-ħaddiema li kienu jinstabu l-Italja jarmaw l-istand li qed tirrappreżenta 'l pajjiżhom f'din l-Expo, kellhom jidħlu ta' malajr lura lejn in-Nepal, b'uħud minnhom ukoll minħabba mewt fil-familji tagħhom stess.

Ħaddiema minn madwar id-dinja kollha qed jaħdmu fuq l-istand tan-Nepal
Ħaddiema minn madwar id-dinja kollha qed jaħdmu fuq l-istand tan-Nepal

B'konsegwenza t'hekk l-istand tagħhom tħalliet nofs leħja - dan sakemm att ta' solidarjetà mill-bqija tal-ħaddiema minn madwar id-dinja ma dawwarx is-sitwazzjoni u b'mod volontarju qed ilestu l-istand tan-Nepal huma għalihom. Dan qed jagħmluh ovvjament bla ħlas fil-ħin li jkun fadlilhom wara li jlestu xogħolhom.

Dan mhux daqshekk faċli daqskemm wieħed jaħseb, hekk kif fost l-oħrajn din l-istand għandha wkoll xogħol bl-idejn tipiku tan-Nepal, li għalih wieħed irid ħila apposta. Ħaddiem tal-Expo sostna li "kulħadd jinstab emozzjonat meta naraw li l-istand tan-Nepal mhix wieqfa, u li fiha bħalissa hemm nies jitkellmu kull lingwa."

L-Expo Milano 2015 hija wirja universali li ħa tittella' mill-1 ta' Mejju sal-31 ta' Ottubru, fejn it-tema din is-sena hija l-ikel u n-nutrizjoni. Kull pajjiż għandu ċ-ċans li juri t-teknoloġiji li jista' joffri bħala risposta konkreta għal ħtieġa importanti: li niggarantixxu ikel tajjeb, sigur u biżżejjed għal kulħadd madwar id-dinja. 

Il-ħaddiema jridu jaraw li kollox ikun lest sal-ftuħ uffiċjali
Il-ħaddiema jridu jaraw li kollox ikun lest sal-ftuħ uffiċjali

 

More in Socjali