L-MUT titlob sistema ta' tilqim kontra l-ġidri r-riħ

L-Union titlob sistema li tista' tipprevjeni t-tixrid ta' din il-kundizzjoni fl-iskejjel

L-MUT tisħaq li l-konsegwenzi jistgħu jitnaqqsu permezz ta' pjan tajjeb
L-MUT tisħaq li l-konsegwenzi jistgħu jitnaqqsu permezz ta' pjan tajjeb

L-MUT talbet lill-Ministeru tal-Edukazzjoni u l-Impjiegi sabiex tiddaħħal sistema ta' tilqim lill-għalliema u l-istudenti sabiex tipprevjeni l-ġidri r-riħ. Il-Union qalet li din il-marda tittieħed faċilment minn persuna għall-oħra - u li tfaqqas kull sena prattikament f'kull skola. Din tpoġġi riskju kbir fuq l-istudenti u l-adulti. Barra minn hekk hija kundizzjoni li hija ta' tħassib kbir għall-għalliema tqal, minħabba l-konsegwenzi li jaf ikollha fuq it-tarbija li jkunu qed iġorru.

L-MUT qalet li jekk dan hu tħassib li jiġi kull sena, dan ifisser li jista' jsir pjan ta' prevenzjoni minn qabel. F'dan il-kaz ifisser li jekk ikun hemm ippjanar minn qabel jitnaqqsu l-ispejjeż u l-konsegwenzi li jġibu magħhom nuqqas ta' ippjanar. Dawn jinkludu ġranet twal ta' sick leave min-naħa tal-għalliema li jħallu impatt dirett fuq l-edukazzjoni li jirċevu l-istudenti.

Barra minn hekk ir-riskji u l-ispejjeż li huma marbutin mal-għalliema tqal huma kbar. L-union iddikjarat li għalkemm tifhem li t-tilqim għal pajjiż sħiħ tiswa ħafna flus, it-tilqim tal-għalliema fl-iskejjel tiswa ħafna inqas fuq medda twila meta mqabbel ma' li jsir xejn.

L-MUT qed tistaqsi lill-Ministeru sabiex ikun konxju minn din il-kwistjoni u diġà talbet li tittieħet azzjoni mill-aktar fis possibbli.

 

 

More in Socjali