Mument ta' niket għall-umanità kollha - il-President

Żjara fil-kamra mortwarja tal-Mater Dei wara li ddaħħlu l-iġsma tal-immigranti li tilfu ħajjithom nhar il-Ħadd
 

Inizjattiva li fiha l-Maltin u l-Għawdxin kienu mistiedna jħallu fjuri fil-Kamra Mortwarja fil-Mater Dei
Inizjattiva li fiha l-Maltin u l-Għawdxin kienu mistiedna jħallu fjuri fil-Kamra Mortwarja fil-Mater Dei

Aktar kmieni dalgħodu l-President ta' Malta Marie Louise Coleiro Preca żaret il-kamra mortwarja fil-Mater Dei - f'ġieħ dawk li tilfu ħajjithom fl-aħħar traġedja fil-Mediterran - li minnha salvaw biss 28 riħ. Ġew irkuprati il-katavri ta' 24 mill-vittmi biss, li ddaħħlu Malta lbieraħ filgħodu.

"Dan hu mument ta' niket għall-umanità kollha," sostniet Coleiro Preca. "Dawn il-vittmi huma l-ġirien tagħna stess."

Coleiro Preca spjegat kif it-traġedja hija daqshekk ta' niket għaliex dawn huma nies li ħarbu mill-persekuzzjoni, mill-gwerer u faqar kbir bit-tama li jsibu ħajja aħjar. "Kull mewta simili hija telfa traġika għall-umanità." saħqet Coleiro Preca.

Il-President tat ġieħ lis-CEO tal-Mater Dei, Ivan Falzon, talli organizza dan l-att ta' solidarjetà, fejn stieden lill-pubbliku jħalli fjuri fil-kamra mortwarja għall-vittmi ta' din it-traġedja. "Din l-inizzjattiva turi li minkejja li jkun hemm kummenti razzisti u xenofobiċi, l-aktar karatteristika b'saħħitha tal-Maltin u l-Għawdxin hija s-solidarjetà. Dawn huma nies li tilfu ħajjithom u li l-familji tagħhom qas biss għadhom jafu b'dan, u jaf idumu biex isiru jafu." temmet tgħid il-President, waqt li saħqet kemm din kienet turija ta' kemm il-Maltin għandhom kuxjenza tajba.

 

More in Socjali