Hekk kif nhar il-Ħadd mijiet ta' immigranti tilfu ħajjithom ftit 'il bogħod minn xtutna, kemm f'Malta kif ukoll fl-Italja bdew jittellgħu ċerimonji ta' tifkira għall-vittmi li huma stmati li laħqu saħansitra it-900.
Donnu kulħadd dawwar ħarstu lejn l-Unjoni Ewropea sabiex din tieħu passi konkreti sabiex dawn it-traġedji fil-Mediterran jiefqu darba għal dejjem.
Fil-Parlament Ewropew, fi Brussell, il-pjazza ewlenija ta' quddiem il-bini imtliet b'dgħajjes tal-karti li tpoġġew sabiex jitfakkru l-ħajjiet ta' dawn il-vittmi.
Intant tikber il-pressjoni fuq Brussell u l-Unjoni Ewropea hekk kif ilbieraħ il-ministri tal-Affarijiet Barranin għamlu mument ta' silenzju qabel l-laqgħa fil-Lussemburgu dwar din il-kriżi. Il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat pjan ta' 10 punti prinċipali għal kif tista' tiġi indirizzata - inkluż li jirdoppja l-fond għal "Triton" - l-operazzjoni navali tal-UE fil-Mediterran.