Ħa ssir mixja bix-xemgħat għada l-Erbgħa 22 t'April sabiex tfakkar dawk il-mijiet li tilfu ħajjithom fil-Mediterran. Din il-mixja ħa tibda minn żewġ postijiet - il-campus tal-ITS f'Pembroke fis-6.30pm u mill-Bajja ta' Spinola f'San Ġiljan fis-6.45pm. Il-mixja tintemm f'Tas-Sliema ħdejn it-Torri tal-Exiles.
Hemm imbagħad jinxtegħlu x-xemgħat li permezz tagħhom tiġi ffurmata l-frażi "all lives matter" - kull ħajja tiswa. Barar minn hekk ħa jintefgħu l-petali fil-baħar bħala turija ta' rispett. L-avveniment qed jiġi organizzat sabiex jintbgħat messaġġ mhux politiku lill-mexxejja u lin-nies kollha madwar id-dinja li wasal iż-żmien li jsir xi ħaġa u li tinstab soluzzjoni.
"Il-messaġġ tagħna huwa wieħed ta' għaqda u kompassjoni. Irridu ngħidu lid-dinja li kull ħajja tgħodd. Il-preżenza tagħkom iżżid il-kuxjenza sabiex insibu soluzzjoni għat-traġedja li qed issir biss ftit mili 'l bogħod minn xtutna" qal Damjan Attard, l-organizzatur.
Kulħadd huwa mistieden li jingħaqad għal din il-mixja. Il-parteċipanti huma mħeġġa jġibu xemgħat, fjuri u sinjali b' #All Lives Matter miktuba fuqhom. Għal aktar informazzjoni wieħed jista' jċempel fuq 7925 2098 jew jibgħat email fuq [email protected]