F’Marzu 2015 l-inflazzjoni f’pajjiżna, skont l-indiċi tal-prezzijiet tal-bejgħ bl-imnut (RPI), kienet tammonta għal 0.24%, li hija l-inqas rata ta’ inflazzjoni mill-1985 ’l hawn. Bħala medja, taħt l-amministrazzjoni preċedenti, l-inflazzjoni kienet tlaħħaq 2.6% fis-sena, jiġifieri għaxar darbiet aktar minn dik irreġistrata fit-tnax-il xahar li għaddew.
Fost il-prodotti u s-servizzi essenzjali li kellhom tnaqqis fl-inflazzjoni hemm l-ikel fejn iż-żieda fil-prezzijiet hija ħames darbiet inqas mill-medja osservata matul l-amministrazzjoni preċedenti.
Fil-mediċini u l-affarijiet relatati mal-kura personali, l-inflazzjoni fl-aħħar tnax-il xahar kienet kważi nofs il-medja taħt l-amministrazzjoni ta’ qabel.
Fl-istess ħin, il-Gvern sostna li l-Gvern preżenti naqqas il-prezzijiet tad-dawl, ilma, gass u fuel b’medja ta’ 15% filwaqt li l-amministrazzjoni ta’ qabel għolliethom b’70%.
It-tnaqqis fl-inflazzjoni u ż-żieda fil-paga fissru li l-ħaddiem medju kellu €260 aktar fil-but din is-sena, kontra l-aħħar sena tal-Gvern preċedenti meta kien spiċċa bi €80 biss minn fuq.
Dan jispjega għalfejn fl-aħħar stħarriġ li sar mill-Kummissjoni Ewropea fost iċ-ċittadini Maltin u Għawdxin, il-Eurobarometer, il-proporzjon ta’ dawk li qalu li l-inflazzjoni hija l-ikbar tħassib tagħhom naqas bin-nofs.