Illum ġiet ippubblikata, mill-Gvern Nazzjonali, l-ewwel strateġija Nazzjonali għad-dimensja 2015 - 2023, flimkien ukoll ma' verżjoni dementia-friendly. Dan ifisser li Malta hija l-ewwel pajjiż fid-dinja li ghandha verżjoni għall-persuni bid-dimensja. Dan ġie mħabbar waqt il-preżentazzjoni uffiċjali ta' din l-istrateġija lill-istampa mis-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva Justyne Caruana.
Justyne Caruana fid-diskors tagħha saħħqet li bħalissa hawn madwar 6,000 persuna bid-dimensja - liema figura mistennija tikber għal madwar 13,000 sas-sena 2050. Spjegat kif ma’ kull persuna b’din il-kundizzjoni, hemm numru ta’ persuni affettwati indirettament, li ġeneralment ikunu l-qraba tagħha jew persuni li jagħtu l-kura lil dik il-persuna partikolari.
Caruana qalet li l-Gvern huwa kommess li din l-istrateġija tigi implimentata. Dan il-pjan huwa mistenni li jiġi mplimentat fuq medda ta' disa' snin permezz ta' numru ta’ miżuri olistiċi biex titjieb il-kwalità ta’ ħajja ta’ persuni bid-dimensja, u ta' dawk li jieħdu ħsiebhom. Malta hija waħda mill-ftit pajjiżi li qed taddotta strateġija għad-dimensja fuq bażi Nazzjonali, u se tkun l-iżgħar stat li taddotta din l-istrateġija.
L-Onorevoli Caruana spjegat kif id-dimensja mhix kwistjoni ta’ Malta biss, iżda hija kwistjoni internazzjonali. Ġimgħatejn ilu aktar minn 80 pajjiż wegħdu li jaffrontaw l-isfida tad-dimensja waqt l-ewwel konferenza Ministerjali organizzata mill-World Health Organisation fuq l-azzjoni Globali kontra id-dimensja. Id-Dimensja hija l-aktar kundizzjoni soċjali u medika kostanti, li tqum madwar 1% tal-Prodott Gross Domestiku. Is-Segretarju Parlamentari qalet li waqt li kienet qed tipparteċipa f’din il-konferenza kellha l-opportunità li wkoll tiddiskuti din l-istrateġija u b'sodisfazzjon qalet li din ġiet milqugħa tajjeb ħafna u mfaħħra wkoll minn pajjiżi ħafna akbar minna.
Is-Segretarjat Parlamentari għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva diġà beda jimplimenta partijiet minn din l-istrateġija speċjalment fejn jidħol taħriġ professjonali. Spjegat kif dan qed isir permezz ta’ fondi soċjali Ewropej, fejn qed jingħata taħriġ fuq id-dimensja lill-professjonisti u lil-impjegati fil-qasam tas-saħħa u tal-anzjani. Filfatt, diġa sar dan it-taħriġ fir-Residenza San Vinċenz u f’Karen Grech. Semmiet li dan ix-xahar se jkunu għaddejin sezzjonijiet ta’ taħriġ għall-impjegati fl-isptar t’Għawdex.
Ġew ukoll ippubblikati diversi fuljetti indirizzati lejn sezzjoni differenti ta’ nies inklużi professjonisti u għaddej il-proċess ta' reklutaġġ ta' dementia intervention team biex jassisti lil persuni bid-dimensja u lill-familji tagħhom fil-komunità.
Justyne Caruana ikkonkludiet billi irringrazzjat lil Dr Charles Scerri, l-awtur ta’ din l-istrateġija li ħadem tant sabiex din tiġi fis-seħħ , lis-soċjetà ċivili in partikolari lil Malta Dementia society u assigurat li il-Gvern se jkun qiegħed jimplimenta il-miżuri kollha preżenti f’din l-istrateġija fit-terminu previst.