F’kelmtejn waqt ċerimonja tal-għoti tal-warrant lil 20 perit ġdid, il-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura Joe Mizzi llum tkellem dwar ir-responsabbiltajiet tal-Ministeru f’dawk li huma proġetti infrastrutturali u l-kontribut indispensabbli tal-periti f’dawn il-proġetti.
Huwa qal li l-Gvern għandu periti li afdahom b’responsabbiltajiet kbar fi proġetti nazzjonali bħall-proġett nazzjonali għat-taffija tal-għargħar, il-proġett ta’ Triq il-Kosta, il-proġett tal-waterpolo pitch ta’ Birżebbuġa u proġetti li se jinbdew fix-xhur li ġejjin bħall-proġett tal-Kappara kif ukoll proġetti ta’ riabilitazzjoni li jsiru b’mod regolari fuq binjiet storiċi u monumenti fost oħrajn.
Il-Ministru qal li dawn huma proġetti li qegħdin isiru grazzi għall-periti li għandna f’pajjiżna. Huwa qal li mil-lum, dak li studjaw u ħadmu għalih bil-kitba se jibda jissarraf fil-prattika, u għaldaqstant appella lill-periti l-ġodda biex jeżerċitaw din il-professjoni b’dedikazzjoni, b’għaqal, serjetà u kawtela f’kull deċiżjoni li jieħdu.