700 kelb u qattus tat-triq ġew imsewwija f’ġimagħtejn waqt kampanja li nieda s-Segretarjat Parlamentari favur id-Drittijiet tal-Annimali, bħala waħda mill-miżuri biex jikkontrolla l-popolazzjoni tal-annimali tat-triq.
Dan qalu s-Segretarju Parlamentari għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali Roderick Galdes f’konferenza tal-aħbarijiet, hekk kif illum intemmet it-tielet Neutering Campaign li l-Gvern għamel b’kollaborazzjoni mal-NGO Ġermaniża ETN.
Fiż-żewġ kampanji ta’ qabel, li wkoll saru bil-kollaborazzjoni mal-ETN, issewwew total ta’ elf annimal ieħor. B’hekk fi 18-il xahar issewwew total ta’ 1,700 annimal.
L-Onorevoli Galdes irrimarka kif dawn it-tliet kampanji ma ġew jiswew xejn lill-Gvern grazzi għal ftehim li ntleħaq. Dan b’kuntrast ma’ kampanja oħra li kienet saret taħt l-amministrazzjoni Nazzjonalista, li kienet ġiet tiswa €175,000.
Hu rringrazzja lil numru ta’ feeders kemm tad-dedikazzjoni tagħhom biex jitimgħu l-qtates tat-triq, kif ukoll tas-sehem tagħhom f’din il-kampanja li bla ebda dubju kienet ta’ suċċess.
Is-Segretarju Parlamentari temm jgħid li diġà bdew diskussjonijiet biex fil-futur qrib issir kampanja ta’ neutering f’Għawdex.