
“L-ewwel li jaqilgħuha huma n-nisa u t-tfal”
Claudette Abela Baldacchino titkellem f'isem in-Nisa Laburisti
More in Socjali
Claudette Abela Baldacchino titkellem f'isem in-Nisa Laburisti
L-aġenda soċjali kienet fuq l-aġenda tad-diskussjoni f’laqgħa bejn l-Eżekuttiv ta’ NL - Nisa Laburisti u l-President tar-Repubblika Marie Louise Coleiro Preca. Il-laqgħa kordjali kienet mitluba mill-Eżekuttiv ta’ NL u saret fil-Palazz tal-President f’San Anton.
Claudette Abela Baldacchino, President ta’ NL esprimiet is-sodisfazzjon profond li llum pajjiżna għandu bħala Kap tal-istat persuna li mhux biss hija mara iżda li fuq kollox matul il-karriera tagħha kostantament impenjat ruħha favur dawk l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà.
Abela Baldacchino qalet li l-Eżekuttiv ta’ NL huwa interessat u jħaddan l-aġenda tal-Presidenza meta qed ngħixu fi żminijiet fejn kawża tal-maltemp ekonomiku qawwi li qed jaħkem fuq l-Ewropa u s-swieq internazzjonali, il-pjaga tal-faqar reġgħet bdiet tgħolli rasha. Qalet li ta’ tħassib akbar huwa l-fatt li studju wara studju juru li f’sitwazzjoni ta’ diffikultà, l-ewwel li jaqilgħuha huma n-nisa u t-tfal.
Qalet li NL konxja ta’ dak li qed jiġri fl-Unjoni Ewropea fejn miljuni jinsabu bla xogħol u fejn iż-żgħażagħ Ewropej qegħdin, f’numri dejjem jikbru, jaħarbu u jittentaw li jsibu futur aħjar għalihom band’oħra. Iċ-ċittadini Ewropej qegħdin jaqtgħu qalbhom u jitilfu l-fiduċja qalet Abela Baldacchino u għalhekk għandu jkollna mudell ta’ demokrazija mibnija fuq is-solidarjetà u t-tolleranza. Huwa f’dan il-kuntest li NL trid tagħti s-sehem tagħha u taħdem biex titkattar is-solidarjetà u l-ġustizzja soċjali anke f’pajjiżna fejn niżguraw li b’miżuri akkurati nkomplu nsostnu l-ekonomija Maltija u l-impjiegi li din tiġġenera l-impjiegi.
Għaldaqstant, l-Eżekuttiv ta’ NL wiegħed l-appoġġ kollu tiegħu fil-ħidma tal-Presidenza sabiex il-faqar u l-problemi soċjali kbar relatati miegħu tassew jitpoġġew fuq nett tal-aġenda nazzjonali. ‘’Nemmnu’’ qalet Abela Baldacchino ‘’li bil-ħidma ta’ kulħadd nistgħu negħlbu din l-isfida.’’
Min-naħa tagħha l-President Coleiro Preca spjegat il-ħidma tagħha mill-Presidenza. Fakkret fid-diskors tagħha waqt il-konferenza ta’ livell għoli organizzata mill-Kummissjoni Ewropea fi Brussell, bit-tema “The Europe 2020 poverty target: Lessons Learned and the Way Forward”.
‘’Iż-żieda tal-faqar fl-Ewropa hi tal-akbar tħassib u għalhekk jeħtieġ li nkabbru l-isforzi tagħna biex nindirizzawh. Il-politiki soċjali waħedhom mhumiex biżżejjed biex jindirizzaw il-faqar, għax dan huwa fenomenu kumpless iddeterminat minn fatturi soċjali kif ukoll dawk ekonomiċi u politiċi” qalet l-Eċċellenza tagħha.
Il-President tar-Repubblika għamlet ukoll referenza għal tipi ġodda ta’ faqar dinji, fosthom li qegħdin jiżiedu dawk li minkejja li għandhom edukazzjoni terzjarja u huma kwalifikati, xorta waħda dawn qed jispiċċaw f’impjiegi mħallsin bi ftit flus, bir-riżultat li dawn qegħdin jaqgħu fiċ-ċirku tal-faqar u saħansitra tal-prekarjat. Qalet ukoll li l-faqar mhix problema biss ta’ individwu, familja jew għażla ta’ komunità iżda tinsab fl-għeruq ta’ inġustizzji soċjali, politiċi u ekonomiċi.