Iċ-Chairman tal-grupp parlamentari fuq id-dijabete, it-Tabib Godfrey Farrugia flimkien mal-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil ippreżentaw rapport imsejjaħ Health Choices lill-Ispeaker Anġlu Farrugia.
Ir-rapport iressaq numru ta’ rakomandazzjonijet tal-grupp li hu magħmul minn seba’ membri parlamentari miż-żewġ naħat tal-kamra li flimkien qed jaħdmu sabiex itejbu l-ħajja ta’ dawk in-nies li jsofru bid-dijabete.
Din il-gazzetta tkellmet mat-Tabib Farrugia fejn tlabnieh jelabora aktar il-ħidma speċifika ta’ dan tal-grupp parlamentari kif ukoll biex jelenka aktar fid-dettall ir-rapport li kien ippreżentat lill-ispeaker.
“Nhar l-14 ta’ Novembru, Jum Dinji ta’ Dijabete, hu maħsub li titħabbar l-Istrateġija Nazzjonali dwar id-Dijabete għal Malta u tiġi mnedija kampanja ta’ konsultazzjoni pubblika” qal it-Tabib Farrugia. Spjega li fil-baġit tas-sena l-oħra, l-Ministeru tas-Saħħa kien ħabbar li l-gvern kien se jagħti prijorità lill-ħarsien ta’ din il-marda li taffetwa madwar 10% tal-popolazzjoni billi titħejja politika komprensiva.
“Ir-rapport Health Choices jinkludi r-rappreżentazzjonijiet tal-esperti f’din l-ispeċjalizzazjoni u jipproponi wkoll tliet oqsma ta’ direzzjoni. Dawn huma: tagħrif miġbura biex jingħata lil Steering Commitee ta’ dijabete mwaqqfa mis-Segretarjat, qabel ma jinħareġ rapport konsultattiv tal-gvern; qafas ta’ mudell ta’ liġi dwar id-dijabete; u proposta ta’ riċerka dwar din il-marda li titniedi minn fond Ewropew u li tkun konġunta ma’ pajjiżi oħra, fosthom l-Ingilterra” qal Farrugia.
Meta mistoqsi dwar il-grupp ta’ ħidma Parlamentari dwar id-Dijabete, Farrugia qal li dan kien twaqqaf fuq inizjattiva tal-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil. “Fi Frar li għadda hu kien stieden Membri Parlamentari miż-żewġ naħat tal-Kamra biex jissieħbu flimkien ħalli bħala policy makers u leġislaturi, jaħdmu biex itejbu l-kura u l-prevenzjoni tal-marda taz-zokkor. Il-grupp ta’ ħidma kien twaqqaf fuq linji gwida ta’ ħidma li huma simili bħal dawk ta’ gruppi ta’ ħidma oħra Ewropej.”
Farrugia temm jgħid li l-ħidma ta’ dan il-grupp hu mistenni jitkompla biex b’aktar proposti tissaħħaħ il-kordinazjoni tas-servizz mogħti bħalissa, biex jiddaħħlu aktar miżuri ġodda li jħarsu l-interessi tal-pazjenti, b’mod partikolari dawk ta’ prevenzjoni, biex jitjiebu s-servizzi komunitarja u jinħoloq dak is-sostenn ta’ riżorsi adekwat li jagħti l-aċċess mixtieq, benefiċċji mistħoqqa u kura ta’ aktar kwalità.