Ħsarat tekniċi fuq tliet ajruplani

L-Air Malta għandha flotta ta’ għaxar ajruplani kollha magħmula mid-ditta Airbus
L-Air Malta għandha flotta ta’ għaxar ajruplani kollha magħmula mid-ditta Airbus

Fl-aħħar jiem diversi ajruplani tal-Air Malta esperjenzaw ħsarat tekniċi li wasslu biex jiġu kkanċellati jew posposti ċertu titjiriet bħala prekawzjoni ta’ sigurtà. 

Madankollu, kelliem għal-linja nazzjonali tal-ajru qal li l-problemi rrappurtati fl-aħħar jiem ikkonċernaw tliet ajruplani differenti, minn total ta’ għaxra li għandha l-Air Malta.

Kien qed jiġi maħsub li l-problemi kienu jikkonċernaw l-istess ajruplan peress li l-ħsarat ġew irrappurtati fi ftit jiem biss, iżda l-kelliem ċaħad dan. 

“Il-problemi tekniċi kienu tlieta li ġraw fuq tliet ajruplani differenti. Sfortunatament, l-Air Malta ma setgħetx topera dawn l-ajruplani bit-tip ta’ problemi li kellhom, u għalhekk dawn riedu jissewwew qabel ma joperaw, kemm jekk se joperaw lejn Malta kif ukoll minn Malta,” qal il-kelliem.

ILLUM hi infurmata li l-aħħar każ, li seħħ il-Ħamis li għadda, kien jikkonċerna ajruplan tat-tip Airbus 319 bil-problema tkun ħsarat fil-parking brake. Skont il-kelliem tal-Air Malta, b’din it-tip ta’ ħsara l-ajruplan ma jistax jitlaq mill-ajruport u ried jissewwa qabel ma jerġa’ jiddaħħal fl-iskeda.

Minħabba din il-problema, il-Ħamis li għadda erba’ titjiriet ġew posposti b’madwar tliet sigħat lejn u minn Istanbul u Tripli. 

F’Marzu li għadda, ajruplan tal-Air Malta kellu jirritorna Malta darbtejn wara li telaq fi triqtu lejn l-ajruport ta’ Linate f’Milan.

Dakinhar, l-ajruplan tat-tip Airbus A320 irreġistra xi ħsara fl-istrumenti tan-navigazzjoni u wara għoxrin minuta fl-ajru rritorna Malta. 

Wara li l-passiġġieri tħallew jistennew madwar siegħa fl-ajruplan sakemm it-tekniċi biddlu l-istrument, l-ajruplan telaq għat-tieni darba iżda għal frustrazzjoni tal-passiġġieri, meta wasal Għawdex il-kaptan ordna li l-ajruplan jerġa’ jinżel Malta għax il-problema ma ġietx solvuta. 

Il-kelliem tal-Air Malta qal lil ILLUM li minn dakinhar tal-inċident, dan l-ajruplan kien issewwa u għadu jopera mingħajr problemi.

Attwalment l-Air Malta għandha flotta ta’ għaxar ajruplani kollha magħmula mid-ditta Airbus. Sitta huma tat-tip A320 li jġorru massimu ta’ 180 passiġġier filwaqt li l-erba’ oħra huma tat-tip A319 li jġorru 140 passiġġier.

Skont is-sit elettroniku planespotters.net, l-aktar ajruplan ‘antik’ f’din il-flotta ilu jintuża għal madwar għaxar snin u nofs, filwaqt li l-aktar wieħed ‘riċenti’ ilu jintuża għal aktar minn seba’ snin.

More in Socjali