€53 miljun fuq l-agħar road killer ta’ Malta

Triq il-Kosta hija l-iktar triq fatali għas-sewwieqa Maltin
Triq il-Kosta hija l-iktar triq fatali għas-sewwieqa Maltin

Il-proġett biex Triq il-Kosta ma tibqax l-aktar triq fatali għas-sewwieqa Maltin se tinkludi diversi miżuri bħal roundabouts u traffic lights fost l-oħrajn. 

Waqt it-tnedija tal-proċess ta’ konsultazzjoni għall-ewwel strateġija nazzjonali għas-sigurtà fit-toroq aktar kmieni din il-ġimgħa, ħarġu d-dettalji ta’ dan il-proġett li jkopri aktar minn 7km ta’ triq.

Aspett ewlieni tal-proġett se jkun li jitranġa l-allinjament tat-triq biex jiġu evitati l-blindspots u b’hekk tnaqqas il-periklu għas-sewwieqa. Dan se jwassal ukoll biex titwessa t-triq u kull direzzjoni se jkollha żewġ karreġġjati li eventwalment ttaffi l-problema ta’ traffiku. 

Ma setax jonqos li fin-nofs tat-triq jiġu installati crash-barriers biex jiġu evitati ħabtiet head-on, proposta li ilha tissemma bosta xhur.

Hu fatt magħruf li l-fatt li ma kienx hemm separazzjoni fin-nofs tat-triq, flimkien mad-diversi blind spots u kantunieri, kienu jagħmlu din it-triq l-aktar waħda perikoluża f’Malta. 

It-triq hija fost l-aktar imfittxija biex wieħed jaqsam minn fuq għal isfel ta’ Malta jew viċi versa, hu stmat li kuljum jgħaddu mat-18-il elf karozza.

Il-ħsibijiet ta’ Transport Malta għal din it-triq jinkludu wkoll xogħlijiet fuq bankini kif ukoll il-ħsieb li tinfetaħ linja apposta għaċ-ċiklisti, b’separazzjoni fissa bejn din il-linja u l-bqija tat-triq biex tiġi żgurata s-sigurtà taċ-ċiklisti. 

Il-proġett, li qed jiġi stmat għal aktar minn €53 miljun, se jinkludi wkoll l-aspett tat-trasport pubbliku b’ħidma fuq xelters tax-xarabank fost oħrajn. Se jkunu installati wkoll sinjali tat-traffiku u zebra crossings għal min ikun irid jaqsam it-triq, aspett li huwa assenti fil-preżent. 

Meta t-triq tasal fil-viċinanzi ta’ Baħar iċ-Ċagħaq qed tiġi kkunsidrata l-possibbiltà li ssir roundabout, bir-raġunijiet mogħtija jkunu li dan jikkalma t-traffiku u jidderiġih aħjar. 

Transport Malta qalet li minħabba l-proġett ta’ twessigħ tat-triq, is-siġar li se jkunu affettwati se jkunu mpoġġija x’imkien ieħor biex ikun hemm l-inqas impatt ambjentali possibbli. 

Il-proġett se jieħu inkonsiderazzjoni wkoll il-wiċċ tat-triq fejn se jsir asphalting aħjar u f’ċertu partijiet tat-triq mistenni jitpoġġa asphalting high friction bħala metodu ieħor ta’ sigurtà. 

Fl-istess ħin, ix-xogħol fuq il-wiċċ tat-triq għandu jindirizza l-problema ta’ għargħar fit-triq biex is-sigurtà tas-sewwieqa ma tkunx kompromessa f’temp mhux favorevoli.

Il-proġett hu maħsub li jkun lest sal-aħħar tas-sena d-dieħla.

More in Socjali