Metsola akkużata li taqdi lil-lobby tal-armata Iżraeljana

Roberta Metsola hija meqjusa bħala karrirista, li trid li tibqa’ fil-kariga ta’ President tal-PE akkost ta’ kollox. Biex tilħaq dan l-għan għandha bżonn lil Manfred Weber

Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola mhux l-ewwel darba li kienet akkużata li tagħlaq għajn waħda, jew tnejn, għall-imġiba tal-Iżrael. Din id-darba qed tiffaċċja akkużi li tuża kejl differenti skont min hu involut f’xi kunflitt. Għal Iżrael il-kejl huwa differenti, b’saħansitra lobby b’konnessjoni diretta mal-armata Iżraeljana titħalla jkollha aċċess liberu għall-kurituri tal-Parlament Ewropew.

Fuq il-media soċjali l-ġurnalist Taljan Gabriele Nunziati spjega kif lobby tal-armata Iżraeljana, Israel Defence and Security Forum (IDSF) huwa grupp reġistrat fir-reġistru ta’ trasparenza tal-Parlament Ewropew. Il-grupp jiddeskrivi ruħu bħala grupp ta’ aktar minn 35,000 suldat mill-fergħat kollha tal-forzi tas-sigurtà Iżraeljani impenjati li jsawru n-narrattiva rigward il-ħtiġijiet tas-sigurtà nazzjonali ta’ Iżrael. Gabriele Nunziati tkeċċa mix-xogħol mal-aġenzija Taljana, Agenzia Nova, wara li saqsa mistoqsija dwar ir-responsabilità ta’ Iżrael għar-rikostruzzjoni ta’ Gaza lil kelliem għall-Kumissjoni Ewropea f’Ottubru li għadda.

Gabriele Nunziati jispjega kif Roberta Metsola għandha s-saħħa li tiddeċiedi lil min timblokka milli jidħol fil-Parlament Ewropew (PE). F’Jannar li għadda fil-fatt imblokkat l-aċċess għall-PE lil rappreżentanti tar-reġim Iranjan. Ir-reġim Iranjan ilu akkużat bi ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem, anke min-Nazzjonijiet Uniti.

L-armata Iżraeljana min-naħa l-oħra ukoll tinsab akkużata b’diversi reati. Fil-fatt tinsab fil-lista tal-mistħija tan-NU minħabba reati kontra t-tfal. L-istess organizzazzjoni takkuża lill-Iżrael b’ġenoċidju f’ Gaża, minbarra b’okkupazzjoni tal-Palestina.  Madanakollu minkejja dan Nunziati jisħaq li r-rappreżentanti tal-armata Iżraeljana xorta qed jitħallew minn Metsola jidħlu fil-Parlament biex jippruvaw jinfluwenzaw il-politika Ewropea favur Iżrael u l-gvern tal-lemin-estrem ta’ Benjamin Netanyahu. Dan juri kejl differenti skont min huwa involut f’reati internazzjonali. Il-ġurnal investigattiv online Follow the Money dan l-aħħar kixef kif l-armata Iżraeljana jagħmlu pressjoni kontinwa fuq uffiċċjali, membri parlamentari u politiċi tal-UE biex jieħdu pożizzjonijiet favur Iżrael minkejja l-okkupazzjoni tal-Palestina u l-akkużi ta’ ġenoċidju. L-UE fil-fatt ftit li xejn ħadet passi konkreti, bil-ftehim ta’ assoċjazzjoni bejn l-UE u :Iżrael jibqa’ fis-seħħ, qisu xejn mhu xejn. Hawn jidħol l-irwol tal-Partit Popolari Ewropew u uffiċjali għolja mill-istess partit, inkluż Metsola, li jimblokkaw kull azzjoni fil-konfront ta’ Iżrael.

Il-politiċi bl-aktar influwenza qawwija fuq il-politika internazzjonali kemm tal-Kummissjoni Ewropea u anke tal-Parlament Ewropew huma l-Ġermaniżi tal-PPE Ursula von der Leyen u Manfred Weber. Tal-ewwel il-president tal-Kummissjoni Ewropea, u Mafred Weber il-president tal-grupp parlamentari tal-PPE fil-PE. Huwa fatt magħruf li poltiċi Ġermaniżi, minħabba raġunijiet storiċi jagħlqu għajnejhom għall-atroċitajiet ta’ Iżrael. Il-Ġermanja hija wkoll it-tieni l-aktar pajjiż, wara l-Istati Uniti, li jforni l-armamenti lill-Iżrael. Fl-istess ħin, Weber qiegħed iressaq il-grupp parlamentari tiegħu aktar viċin il-gruppi tal-lemin-estrem, li jappoġġjaw mingħajr tlaqliq il-politika estremista tal-Prim Ministru Iżraeljan Benjamin Netanyahu. Dan jidher kemm mill-attitudnijiet fil-konfront ta’ Iżrael, kif ukoll fl-attentat li għaddej biex jiżżarmaw l-istandards ta’ soċjali u ambjentali tal-Unjoni Ewropea.

Roberta Metsola hija meqjusa bħala karrirista, li trid li tibqa’ fil-kariga ta’ President tal-PE akkost ta’ kollox. Biex tilħaq dan l-għan għandha bżonn lil Manfred Weber. Diġà kisbet it-tieni mandat bl-appoġġ tal-gruppi demokratiċi tal-PE. Issa pero hemm min jisħaq li qed taġevola, flimkien ma’ Weber u l-PPE, lill-gruppi konservattivi u tal-lemin-estrem biex tikseb mandat ieħor. F’dan kollu kull suġġett u pożizzjoni li tieħu għandu jsaħħaħ l-alleanzi mal-lemin-estrm. Għalhekk, skont bosta, l-attitudni differenti ta’ Metsola lejn l-Iżrael.

More in Politika