Quddiem it-Tempji ta’ Ħaġar Qim, il-Prim Ministru Robert Abela nieda uffiċjalment immaġni viżiva nazzjonali mġedda u narrattiva marbuta mal-Viżjoni Malta 2050.
Abela nnota kif issa qrobna biex pajjiżna u l-poplu Malti u Għawdxi jidħol f’kapitlu ġdid hekk kif wara it-tnedija, se jibda jagħti l-frott it-twettiq tal-Viżjoni Malta 2050. Huwa spjega kif kien propju waqt li kienet qed tinbena din l-istess Viżjoni li nħass il-bżonn li pajjiżna jkollu immaġni ġdida u distinta li tirrifletti l-Viżjoni Malta 2050.
“Din l-immaġni tirrifletti pajjiż li għandu Viżjoni għall-ġejjieni, li għandu grinta meħtieġa biex jospita innovaturi, u li jħaddan passjoni għax nemmnu li minn gżira żgħira nistgħu nitfgħu raġġi li jimirħu mad-dinja, għalhekk ‘Malta – Shine Here’,” spjega Abela. Huwa żied jgħid kif f’dinja dejjem aktar kompetittiva, li jkollok immaġni b’saħħitha li wieħed jista’ jassoċja ma’ pajjiżna m’għadux lussu, iżda bżonn.
“Sal-lum, Malta ġiet ippreżentata permezz ta’ diversi narrattivi settorjali, fit-turiżmu, l-investiment, il-kultura, l- innovazzjoni u l-kummerċ. Kull wieħed b’saħħtu fih innifsu. Iżda wasal iż-żmien li ngħaqqdu dawn l-isforzi f’narrattiva waħda u unita. Din l-istorja Maltija ġdida ser tippermettilna nitkellmu b’vuċi waħda konsistenti u konvinċenti. Se nippromwovu lil pajjiżna bħala post ideali fejn wieħed iżur għall-btala, jgħix, jaħdem, jinvesti u jistudja,” qal.
Abela qal li n-narrattiva hija bbażata fuq erba’ prinċipji:
- Nimble by nature: li tħares lejn il-vantaġġ li aħna żgħar u li l-affarijiet inwettquwhom bla xkiel żejjed, bħal meta daħħalna liġijiet ġodda fis-servizzi finanzjarji, fil-gaming u fil-blockchain.
- Bridges worlds: għaliex Malta u Għawdex iservu ta’ pont bejn il-kontinenti, fejn it-talent u l-kummerċ jiġu biex jiltaqgħu u jikbru.
- Focusing on what matters: minħabba li s-sustanza u l-impatt imorru lil hinn mill-kwantità.
- Make it happen: għaliex pajjiżna huwa n-nazzjon ta’ min joħlom u jwettaq.
L-immaġni viżiva nazzjonali mġedda u n-narrattiva marbuta mal-Viżjoni Malta 2050: Malta - Shine Here, se timbotta l-awtentiċità filwaqt li twitti t-triq għal aktar progress ekonomiku u soċjali. Dan kollu se jagħmel lil pajjiżna aktar attraenti għat-talent, jibni fiduċja fost l-investituri, jappoġġja l-esportazzjoni u fuq kollox issaħħaħ il-kburija nazzjonali. “Aktar minn tagline – hija dikjarazzjoni strateġika. Malta bħala l-post fejn in-nies, l-ideat u l-ambizzjonijiet jistgħu jikbru u jirnexxu,” qal Abela.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi Silvio Schembri qal, “Permezz tad-determinazzjoni, il-ħidma bla waqfien u l-enerġija pożittiva tagħna, irnexxielna nsaħħu t-tama u l-fiduċja tal- barranin, u nħeġġuhom jiġu jinvestu f’pajjiżna b’kunfidenza u ċertezza. Fl-aħħar sena ksibna figuri rekord f’dak li għandu x’jaqsam ma’ investiment dirett barrani. Xhieda li mhux aħna biss nemmnu fil-potenzjal ta’ pajjiżna u tal-poplu tagħna, iżda anke l-investituri. Dan hu l-pajjiż li fih il-ħolm jitwettaq. U filwaqt li ngħożżu l-passat tagħna, illum qed inħarsu lejn il-futur u l-pajjiż li se nagħtu lil uliedna.”
Il-Kap tas-Segretarjat fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, il-Kurunell Dr Mark Mallia spjega kif il-Viżjoni Malta 2050 hija msejsa fuq 4 pilastri ewlenin: it-Tkabbir Ekonomiku Sostenibbli; Servizzi Aċċessibbli u li jqiegħdu liċ- Ċittadin fiċ-ċentru; Pajjiż Reżiljenti u Sistema ta’ Edukazzjoni Moderna; u Użu Intelliġenti tal-Art u l-Baħar. Kompla jispjega li apparti dan, hemm ukoll 5 elementi prinċipali li se jwasslu sabiex il-Viżjoni Malta 2050 titwettaq b’suċċess, dawn huma: kejl sostenibbli u kkalkulat tal-investiment finanzjarju; l-użu tal-għodod diġitali; il-ħiliet tal-futur; l-implimentazzjoni tal-policies; kif ukoll immaġni viżiva u narrattiva unita li għadhom kif ġew imnedija.
Is-Segretarju Permanenti fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru responsabbli mill-Viżjoni Malta 2050 Ronald Mizzi qal, “Ġaladarba pajjiżna hu kommess li jagħmel dik il-qabża ’il fuq fil-kwalità grazzi għall-Viżjoni Malta 2050, daqstant ieħor l-importanza li din il-qabża tiġi trasmessa permezz ta’ identità ġdida għal pajjiżna, u li biha nistgħu mmorru hemm barra u nittrasmettu l-aspirazzjonijiet tal-istess Viżjoni barra minn xtutna. Li tasal għall-għażla finali ma kienx proċess ħafif u ħa ħafna xhur u kunsiderazzjonijiet għax jirrifletti responsabbiltà ta’ Stat. Finalment, ix-xemx, u dak kollu assoċjat magħha – qawmien, ġdid, dija, riflessjoni, u pożittività, nemmnu li jippersonifikaw eżatt dak li nixtiequ nwasslu.”