Editorjal |Elezzjoni bikrija jew le, fejn hu l-PN?

Il-Prim Ministru Robert Abela ma jidhirx li għandu elezzjoni bikrija f’moħħu, bil-fatturi internazzjonali jibqgħu l-uniku xenarju li jista’ jbiddel id-deċiżjoni tiegħu

Elezzjoni bikrija mhix fil-pjanijiet tal-Prim Ministru, sakemm żviluppi fix-xena internazzjonali ma ġġegħlux ibiddel ħsibijietu. 

F’laqgħa informali man-newsroom tal-gazzetti ILLUM u MaltaToday dil-ġimgħa, Abela tenna li jsejjaħ elezzjoni kmieni biss jekk ikun hemm xi “diżordni ġeopolitika” li ġġegħlu jfittex mandat ġdid mingħand l-elettorat. 

Dawn iċ-ċirkostanzi jistgħu jinkludu azzjoni Amerikana kontra Greenland, Cuba jew l-Iran, eskalazzjoni fil-gwerra bejn ir-Russja u l-Ukrajna, jew xi azzjoni mill-Iran, minn Iżrael jew miċ-Ċina, li jheddu d-diplomazija internazzjonali. 

Ħafna nies, anke membri tal-PL, qed ibassru li l-elezzjoni se tissejjaħ din is-sena. F’artiklu li kiteb il-Ħadd li għadda f’din il-gazzetta, il-membru parlamentari tal-PL Edward Zammit Lewis, qal li hu wkoll iħoss li l-elezzjoni se ssir dis-sena. 

U din il-ġimgħa, il-PL ħabbar li beda jilqa’ applikazzjonijiet minn individwi li jixtiequ jikkontestaw l-elezzjoni ġenerali li jmiss f’isem il-partit. 

Iżda f’kull stħarriġ li jsir, Abela – u l-Partit Laburista – għadhom igawdu vantaġġ sostanzjali fuq il-Partit Nazzjonalista u l-kap il-ġdid tiegħu Alex Borg. 

U diment li l-ekonomija tkompli titjieb, u l-gvern jirnexxilu jaljena lill-elettorat minn stejjer bħar-riformi tal-ippjanar u l-każ kontra Joseph Muscat fil-każ tal-Vitals, ftit huma ċ-ċirkostanzi lokali li jistgħu jixprunaw lil Abela biex isejjaħ elezzjoni dis-sena. 

Dan kollu mhuwiex neċessarjament aħbar tajba għal Alex Borg. Il-kap il-ġdid tal-PN għandu l-ikbar sfida sa ma tissejjaħ l-elezzjoni ġenerali. Għalih, din hija xafra li taqta’ miż-żewġ naħat. 

Bħalissa Borg qed igawdi mill-ewforija u min-novità fost il-partitarji Nazzjonalisti. Anke fost dawk li forsi kienu taw darhom lill-partit taħt it-tmexxija ta’ Adrian Delia u Bernard Grech. 

Iżda elezzjoni bikrija tillimita ż-żmien li jkollu Borg biex isaħħaħ il-bażi tiegħu u jikkonvinċi iktar nies biex jerġgħu lura lejn il-PN jew biex jivvutaw PN għall-ewwel darba. 

Borg u l-PN għandhom jieħdu kull ġurnata bħallikieku diġà qegħdin f’kampanja elettorali. Iridu jlestu manifest sod u innovattiv, jibdew ifasslu lista ta’ kandidati li teċita lill-elettorat u jridu jwasslu messaġġ pożittiv dwar gvern Nazzjonalista futur; messaġġ li jilħaq lil kulħadd u li joffri alternattiva ta’ vera għall-gvern ta’ Abela. 

Jekk Abela jiddeċiedi li l-elezzjoni ssir fi tmiem il-mandat tiegħu fl-2027, Borg ikollu sfida f’idejh. Irid jirnexxilu jmantni l-entużjażmu li kien evidenti wara l-ħatra tiegħu bħala Kap waqt li jsaħħaħ l-ideoloġija u t-tmexxija tiegħu fil-PN. 

Għall-maġġoranza tan-nies, meta tissejjaħ l-elezzjoni li jmiss mhux se tagħmel differenza. 

Robert Abela għandu r-riedni f’idejh u kapaċi jissorprendi, bħalma ġieli għamel f’deċiżjonijiet oħrajn li ħa. Għalih id-data tal-elezzjoni hija importanti, bla dubju. 

Iżda għal Alex Borg u għall-Partit Nazzjonalista, tista’ tkun kruċjali. Jista’ jżur fabbriki u ħwienet tal-ħelu kemm irid – u sew jagħmel – iżda nittamaw li beda jibni pjan u tim li bih jemmen li jista’ jirbaħ l-elezzjoni. 

Jekk le, tissejjaħ meta tissejjaħ l-elezzjoni, ikun kollu għalxejn, u l-unika telliefa tkun Malta biss. 

 

More in Politika