Arnold Cassola, iċ-Chairperson tal-Partit Momentum, fetaħ ilment formali lill-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika fejn akkuża lill-Ministru tat-Trasport Chris Bonett bi ksur ta' etika meta ppubblika filmat promozzjonali dwar inizjattiva pubblika fuq il-paġna personali tiegħu fuq Facebook.
"Anki f'inizjattiva pożittiva bħal din, il-membri tal-gvern iridu jibqgħu jasserixxu l-arroganza tagħhom," qal Cassola fl-ilment li bagħat lill-Kummissarju Joseph Azzopardi.
Il-każ imsemmi għandu x’jaqsam mal-avviż riċenti tal-Ministeru tat-Trasport li se jintroduċu 400 rotta ġdida ta' tal-linja.
Minkejja li Cassola ddeskriva l-inizjattiva bħala “pożittiva u importanti biex tinkoraġġixxi lis-sewwieqa jħallu l-karozza privata d-dar”, iċ-Chairperson ta' Momentum saħaq li l-mod kif ġiet reklamata jqajjem tħassib serju dwar l-użu ta' pjattaformi pubbliċi għall-gwadann politiku personali.
Fl-ilment, Cassola spjega li l-filmat li jippromwovi din l-inizjattiva, li huwa wkoll sponsorjat minn Transport Malta u Malta Public Transport, ma ġiex imxandar fuq is-siti uffiċjali ta’ dawn l-entitajiet governattivi, iżda tpoġġa biss fuq il-paġna tal-Facebook personali tal-Ministru Chris Bonett.
“Apparti l-ksur tar-regoli, dana ma huwa xejn ħlief att ta' sfida tas-suddett Ministru lejn l-awtorità tal-Kummissarju tal-Istandards,” żied Cassola.
Ir-regoli dwar l-etika fil-ħajja pubblika jipprojbixxu l-użu ta’ riżorsi pubbliċi jew inizjattivi governattivi għall-promozzjoni personali ta’ politiċi. Dawn ir-regoli ġew stabbiliti mill-kummissarju preċedenti George Hyzler u ġew ukoll ikkonfermati mill-kummissarju preżenti.