'Il-Kummissarju ma jridx iwieġeb mistoqsijiet dwar il-kuntratt tal-Electrogas' - PN

Darren Carabott, David Agius u Graham Benicini jakkużaw lill-Kummissarju Angelo Gafa' li qed juża l-istess retorika tal-Gvern

Waqt konferenza tal-aħbarijiet id-Deputati Nazzjonalisti Darren Carabott, li hu ċ-Chairman tal-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi, David Agius u Graham Bencini, sostnew illi l-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà rrifjuta li jirrispondi l-mistoqsijiet li sarulu bil-kitba fir-rigward tal-kuntratti mogħtija mill-korporazzjoni Enemalta lill-konsorzju Electrogas u fakkruh li hu stess kien xehed quddiem il-PAC fil-5 ta’ Novembru 2014, meta dak iż-żmien kien Spettur, dwar investigazzjoni oħra. Fakkru wkoll li eks Kummissarji tal-Pulizija kienu diġà għażlu li jagħtu x-xhieda tagħhom quddiem dan l-istess Kumitat u għalhekk, din ma kinitx se tkun l-ewwel darba li ġrat.

Huma sostnew li l-Kummissarju tal-Pulizija naqas milli jirrispondi żewġ mistoqsijiet sempliċi u għal kollox indipendenti mill-investigazzjonijiet tal-Pulizija: Jekk irċeviex ir-rapport tal-Awditur Ġenerali dwar il-kuntratti tal-Electrogas u jekk hux dispost li jiġi jixhed quddiem l-istess Kumitat Parlamentari.

Il-kelliema fakkru kif l-erba’ Deputati Laburisti fil-Kumitat ivvotaw kontra li l-Kummissarju tal-Pulizija jixhed dwar il-kuntratti tal-Power Station mogħtija lill-Electrogas. Għaldaqstant, it-tliet membri tal-Partit Nazzjonalista bagħtu mistoqsijiet bil-miktub, bl-iskop li jkun assigurat li l-istituzzjonijiet f’pajjiżna jiffunzjonaw u jħarsu l-valuri tal-interess pubbliku nazzjonali, il-kontabbiltà u t-trasparenza.

"Iżda fir-risposta tal-Kummissarju tal-Pulizija, il-Partit Nazzjonalista kien jistenna aġir aħjar. Kien jistenna li l-Kummissarju jagħżel li jiġi u jikkomunika r-risposti tiegħu quddiem il-Kumitat Parlamentari. Iżda minflok, Angelo Gafà għażel li jkompli jingħaqad mar-retorika politika tal-Gvern ta’ Robert Abela," allegaw id-Deputati.

Huma temmew jgħidu li l-istess skuża li stqarr il-Kummissarju tal-Pulizija fl-ittra tiegħu ntużat ukoll mill-erba’ Deputati Laburisti fil-Kumitat meta ivvotaw kontra t-talba tal-Partit Nazzjonalista, li l-Kummissarju tal-Pulizija jkun imħarrek biex jixhed.

More in Politika