Emendi fil-Liġi biex issir illegali li tirreklama terapija tal-konverżjoni

Is-Segretarju Parlamentari Rebecca Buttigieg qalet li l-Gvern, permezz ta’ din l-emenda, qed jibgħat messaġġ ċar u b’saħħtu li qatt mhu se tkun aċċettata attitudni li ġġiegħel lil persuni LGBTIQ iħossu li għandhom xi ħaġa inqas minn ħaddieħor

F’konferenza tal-aħbarijiet, is-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza Rebecca Buttigieg ħabbret li fil-jiem li ġejjin, il-Gvern se jressaq emenda legali biex tissaħħaħ il-liġi dwar l-affermazzjoni tal-orjentazzjoni sesswali, l-identità tal-ġeneru u l-espressjoni tal-ġeneru. L-għan ewlieni ta’ din l-emenda hu li tara li l-liġi li daħlet fl-2016 tissaħħaħ, Għaldaqstant, l-emenda tinkludi d-definizzjoni ta’ reklamar fejn tagħmel illegali li jsir reklamar "biex tħajjar persuni jirċievu servizzi qarrieqa bl-iskop li jippruvaw ibiddlu l-orjentazzjoni sesswali tal-individwu."

It-terapija tal-konverżjoni - li temmen illi permezz ta' eżerċizzju psikoloġiku tista' tbiddel is=-sesswalità ta' persuna, u li għamlet ħsara kbira lil dawk li spiċċaw vittma tagħha - kienet saret illegali f'pajjiżna fl-2016.

Is-Segretarju Parlamentari Rebecca Buttigieg qalet li l-Gvern, permezz ta’ din l-emenda, qed jibgħat messaġġ ċar u b’saħħtu li qatt mhu se tkun aċċettata attitudni li ġġiegħel lil persuni LGBTIQ iħossu li għandhom xi ħaġa inqas minn ħaddieħor.

Is-Segretarju Parlamentari Rebecca Buttigieg
Is-Segretarju Parlamentari Rebecca Buttigieg

“Hu ta’ periklu kbir li għad hawn min jippersisti fil-promozzjoni tat-terapija ta’ konverżjoni b’pretensjoni foloz minkejja studji li juru bil-kontra. Il-Gvern dan qed ikompli jirrikonoxxih u b’hekk se nkunu qed indaħħlu emenda li ser tkompli ssaħħaħ il-liġijiet ta’ pajjiżna biex nipproteġu kull individwu. Għalkemm f’pajjiżna dawk li jipprovaw jagħmlu din il-ħsara huma ftit, però għandna bżonn din il-liġi bħala affermazzjoni li prattiċi ta’ konverżjoni mhux biss mhumiex aċċettati soċjalment, iżda r-reklamar tagħhom huwa wkoll illegali f’għajnejn il-liġi”, qalet is-segretarju parlamentari. 

Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet tkellmet ukoll Gabi Calleja, il-Kap tat-Taqsima tal-Orjentazzjoni Sesswali, Identità tal-Ġeneru, Espressjoni tal-Ġeneru u Karatteristiċi tas-Sess (SOGIGESC) fi ħdan id-Direttorat tad-Drittijiet tal-Bniedem, li qalet li l-liġi li daħlet fl-2016 għenet biex tistabbilixxi kemm fil-politika tal-gvern kif ukoll f’kull sfera tal-ħajja li kull orjentazzjoni sesswali, l-identità tal-ġeneru u espressjoni tal-ġeneru għandhom jingħataw l-istess valur u l-ebda waħda minn dawn il-karatteristiċi ma tikkostitwixxi diżordni, marda, defiċjenza, diżabilità jew nuqqas ieħor.

Hija kkonkludiet li l-emenda li qed iħabbru llum qed tkompli ssaħħaħ l-effettività ta’ din il-liġi.

Gabi Calleja
Gabi Calleja

More in Politika