Minn 190 metru kwadru ta' art abbandunata f'San Ġwann għal ġnien

Ġnien il-Hibiscus: L-ewwel pocket garden f’San Ġwann

Il-Pocket Garden f'San Ġwann
Il-Pocket Garden f'San Ġwann

Minn art abbandunata b’medda ta’ 190 metru kwadru,  Ġnien il-Hibiscus f’San Ġwann ġie trasformat bħala l-ewwel pocket garden, grazzi għal Parks Malta .  Dan il-ġnien se jservi ta’ eżempju għal parks u ġonna oħra li se jiġu rriġinerati fix-xhur u s-snin li ġejjin.
 
Ġnien il-Hibiscus f’San Ġwann, ġie inawgurat mill-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli, flimkien mad-Direttur Ġenerali ta’ Parks Malta Adrian Attard u s-Sindku ta’ San Ġwann Trevor Fenech.
 
“Tul dawn l-aħħar xhur ħabbarna diversi proġetti ta’ spazji miftuħa mifruxa madwar Malta. B’kollaborazzjoni ma Parks Malta u diversi Kunsilli Lokali qed naħdmu biex niżviluppaw u nittrasformaw postijiet fil-qalba tal-kommunitajiet tagħna fi spazji miftuħa, biex hekk ir-residenti jkunu jistgħu jgawdu ambjent isbaħ qrib djarhom,” qalet il-Ministru Dalli. Hija spjegat  kif il-proġett ta’ San Ġwann huwa eżempju kif Parks Malta se tkun qed timplimenta spazji miftuħa fil-komunità bbażat fuq il-ħtiġijiet u x-xewqat tal-kunsilli lokali u l-komunità.
 
Ġnien il-Hibiscus  issa għandu bankijiet, siġar, vaska u varjetà ta’ ħwawar aromatiċi li jkomplu jsebbħu dan l-ispazju miftuħ. Għal dan il-ġnien intgħażlu pjanti apposta li huma ideali għall-klima Maltija peress li jikbru u jinżammu faċilment f’temperaturi li mdorrijin bihom.
 
Dan il-ġnien ikopri wkoll sistema ta’ tisqija minn ħażna tal-ilma tax-xita, li se tkun qed isaqqi l-pjanti b’mod awtomatiku bl-ammont li jkun meħtieġ, mingħajr ħela t’ilma.
 
L-għan ta’ dawn il-proġetti huma li jagħtu nifs lir-residenti li jgħixu f’żoni urbani madwar Malta, fejn żoni dilapitati qed jiġu trasformati fi spazji miftuħa u għalhekk ir-residenti ma jkollhomx għalfejn joħorġu ‘l barra mil-lokalità tagħhom biex igawdu n-natura.  
 
“Dan il-ġnien qiegħed f’żona urbana u propju għalhekk rajna li jkollna siġar u pjanti li jikkontribwixxu għall-assorbiment tal-karbonju mill-arja,” spjegat il-Ministru Dalli.
 
Min-naħa tiegħu, id-Direttur Ġenerali ta’ Parks Malta Adrian Attard qal li bħalissa għaddejjin b’diversi kollaborazzjonijiet ma’ Kunsilli Lokali biex Parks Malta tkompli timplimenta l-viżjoni ta’ dan il-Gvern għal aktar spazji miftuħa.

More in Politika