Charger Ewropew komuni: Il-leġiżlazzjoni ta' Agius Saliba tirċievi appoġġ qawwi ħafna

B'602 voti kontra 12, leġiżlazzjoni mmexxija mill-MEP Alex Agius Saliba tgħaddi mill-Parlament Ewropew b'saħħa

Alex Agius Saliba
Alex Agius Saliba

Il-Parlament Ewropew approva leġiżlazzjoni dwar charger komuni madwar l-Unjoni Ewropea bi ftit aktar minn 96% tal-voti. Kienu fil-fatt 602 Membri Parlamentari Ewropej li vvutaw favur il-leġiżlazzjoni mressqa mill-MEP Malti Alex Agius Saliba, bi 12-il MEP biss jivvutaw kontra. 

Il-liġi l-ġdida mistennija tkun approvata fl-2024. Minn din is-sena l-mowbajls, tablets u kameras kollha li se jkunu għall-bejgħ fl-Unjoni Ewropea se jkollhom USB Type-C port tal-iċċarġjar. Mir-Rebbiegħa 2026 din l-obbligazzjoni se tkun estiża għal laptops. Il-liġi hija parti wkoll minn tentattiv ħafna iktar wiesa' biex jonqos l-iskart elettroniku u sabiex jagħti aktar saħħa lill-konsumatur ħalli jagħmel għażliet aktar sostenibbli. 

Permezz ta' dawn ir-regoli l-konsumaturi mhux se jkollhom aktar bżonn charger differenti għal tagħmir differenti, tkun xi tkun il-marka jew inkella min imanifattura t-tagħmir elettroniku. 

F'kumment wara dan il-vot Agius Saliba qal illi l-Parlament ilu 10 snin jistenna biex dawn ir-regoli jidħlu fis-seħħ, "imma finalment issa nistgħu nħallu l-ħafna chargers differenti għal tagħmir differenti warajna. Din il-liġi tippermetti żvilupp ta' soluzzjonijiet inovattivi li minnhom se jibbenifika kulħadd," sostna l-MEP Malti. 

More in Politika