L-eks Deputat tal-PN David Thake jinstab ħati li kiser l-etika parlamentari

Il-każ ta' Thake kien dwar eluf pendenti f'VAT minn żewġ kumpaniji u sehem f'kumpanija li ma kienx iddikjarat quddiem il-Parlament

David Thake
David Thake

Il-Kummissarju tal-Istandards ikkonkluda li l-eks Deputat Nazzjonalista David Thake kiser l-kodiċi tal-etika meta ma ħallasx VAT u talli ma ddikjarax sehem li kellu f'kumpanija fid-dikjarazzjoni tal-assi tiegħu. 

F'Jannar 2022 id-Deputat David Thake kien irreżenja mill-Parlament wara li kien żvelat illi l-kumpanija tiegħu Vanilla Telecoms kellha kont pendenti ta' €270,000 f'VAT filwaqt li l-kumpanija Maltashopper Ltd kellha kontijiet pendenti ta' €500,000. 

Kien il-Kummissarju stess George Hyzler li nnota illi l-konitjiet pendenti kienu frott nuqqas ta' likwidità b'Thake fil-fatt jgħid lill-Kummissarju illi ħafna klijenti ta' Vanilla Telecoms ma kinux baqgħu joperaw, bis-sitwazzjoni tiggrava minħabba l-pandemija. 

Fil-każ ta' Maltashopper il-VAT akkumulata bejn Marzu 2020 u Awwissu 2021 kienet koperta mill-iskema ta' assistenza fiskali li kien għamel il-Gvern. 

Hyzler innota wkoll iżda illi Thake ma semmiex il-50% shareholding li kellu f'Davmar Holdings Ltd fid-dikjarazzjoni tal-assi tal-2020. "Hi x'inhi r-raġuni l-fatt jibqa' li Thake ma ossservax l-obbligazzjoni tiegħu bħala Deputat u ddikjara dan... li huwa ksur dirett tal-obbligazzjonijiet etiċi ta' Deputat." 

Il-Kummissarju tal-Istandards qal illi d-Deputati għandhom jagħtu l-eżempju huma. "Huwa ċar li defiċjenzi li jmorru lura għall-2012 qed ikunu indirizzati biss issa, wara l-pubbliċità li ngħataw, tant li kien Thake stess li beda l-proċess biex jintlaħaq qbil mal-awtoritajoiet tat-taxxa," kompla jispjega l-Kummissarju Hyzler. 

Huw temm r-rapport billi rrikonoxxa li r-riżenja ta' Thake mill-Parlament u d-deċiżjoni li ma jikkontestax għall-elezzjoni li għaddiet u qal illi dawn kienu passu ta' rikonoxximent pubbliku tal-iżbalji li għamel. 

More in Politika