€84,000 għar-restawr tal-Knisja tal-Qrendi... nofs ix-xogħol huwa lest

Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett żar ix-xogħlijiet li għaddejjin bħalissa li jinkludu restawr fuq il-faċċata tal-ġenb tal-knisja u s-sagristija.

Ix-xogħol fuq il-Knisja tal-Qrendi
Ix-xogħol fuq il-Knisja tal-Qrendi

Aktar minn nofs il-proġett fuq ix-xogħol ta’ restawr u konservazzjoni fuq il-faċċata tal-Knisja Parrokkjali tal-Qrendi huwa lest. Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett żar ix-xogħlijiet li għaddejjin bħalissa li jinkludu restawr fuq il-faċċata tal-ġenb tal-knisja u s-sagristija.

Dan il-proġett qiegħed isir b’investiment ta’ €84,000 li 80% minnhom huma ffinanzjati minn fondi Ewropej mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali. Inħass il-bżonn li jsir dan ir-restawr minħabba li l-faċċati prinċipali u sekondarji tal-Knisja parrokkjali tal-Qrendi iddetorjeraw matul is-snin. Għaldaqstant ix-xogħlijiet qegħdin jinkludu fost oħrajn tibdil ta’ ġebel u r-restawr tal-aperturi, kif spjegat ukoll il-perit tal-proġett Amanda Degiovanni.

La jitlestew ix-xogħlijiet kollha, il-knisja parrokkjali tal-Qrendi se tinkludi wkoll ir-rotta ta’ wirt storiku u patrimonjali li qiegħda tiġi ffinanzjata taħt dan il-proġett, li għandu l-għan li jipprovdi lit-turisti esperjenza komprensiva, u li jippermetti anki lill-Maltin iżuru u japprezzaw għadd ta’ postijiet kulturali li jinsabu qrib xulxin.

Is-Segretarju Parlamentari Chris Bonett qal li dan il-proġett huwa wieħed minn 33 proġett ta’ restawr li qiegħda twettaq il-Knisja f’Malta permezz tal-Fondazzjoni għall-Patrimonju Kulturali tal-Arċidjoċesi ta’ Malta b’investiment ta’ €4 miljun minn fondi Ewropej. “Il-knejjes f’Malta huma parti mill-patrimonju kulturali ta’ pajjiżna. Għaldaqstant permezz ta’ dan l-investiment qiegħed jitwettaq konservazzjoni, protezzjoni u promozzjoni tal-wirt kulturali ekkleżjastiku filwaqt li nsaħħu l-prodott turistiku għat-turisti li jiġu jżuru l-wirt storiku ta’ pajjiżna”, iddikjara s-Segretarju Parlamentari Chris Bonett.

Il-Kappillan tal-Qrendi Fr Mario Said qal li bis-saħħa tal-fondi Ewropej, il-Knisja tal-Qrendi qiegħda tgawdi minn dan il-proġett li se jsebbaħ il-knisja u se jservi biex mhux biss il-Maltin imma anki it-turisti li jżuru l-Qrendi igawdu mill-wirt storiku f’din il-lokalità.

More in Politika