Repubblika tiftaħ rikors biex jittieħdu passi kontra l-'klikka ta' Pilatus'

Robert Aquilina jfakkar li l-Maġistrat ilu 15-il xahar li kkonkluda u għadda inkjesta dwar il-bank Pilatus li jisħaq illi tindika li għandha terġa' tinfetaħ l-inkjesta Egrant...

Robert Aquilina, President Repubblika
Robert Aquilina, President Repubblika

L-għaqda Repubbika dalgħodu ppreżentat rikors kontra l-Kummissarju tal-Pulizija u fih qed titlob lill-Qorti sabiex wara li tisma’ l-provi tagħna, tordna lill-Kummissarju tal-Pulizija li jmexxi kontra dawk li qed issejjaħ "il-klikka tal-Pilatus Bank."

Quddiem il-binja tal-Qorti l-President tal-għaqda Repubblika Robert Aquilina sostna li l-Kummissarju u l-Avukat Ġenerali ilhom 15-il xahar li rċevew l-inkjesta dwar il-Bank Pilatus f'liema inkjesta l-Maġistrat ikkonkluda li kienu twettqu diversi reati kriminali u ordna li jittieħdu passi kriminali kontra l-Bank, kontra s-sid tal-Bank u kontra uffiċjali u diretturi tal-Bank.

"Sal-lum il-Pulizija ħadet azzjoni biss kontra l-bank u kontra uffiċjal wieħed tiegħu. Kontra sid il-bank u l-persuni l-oħra ma ttieħdu l-ebda passi fil-Qorti. Mhux ser naċċettaw li Angelo Gafa’, Alexandra Mamo u Victoria Buttiġieġ jibqgħu jimxu fuq il-passi ta’ Lawrence Cutajar, Ian Abdilla u Peter Grech," sostna Aquilina, li fakkar illi f'dan il-pajjiż ma hawn ħadd li huwa untouchable. 

Huwa kompla jgħid illi fost ir-reati li jissemmew fl-inkjesta hemm ħasil ta' flus, assoċjazzjoni kriminali u dikjarazzjonijiet foloz. Qal ukoll li fost dawk li qed tintalab li tittieħed azzjoni kontrihom hemm - skont sorsi li qal illi għandu - Mehmet Tasli, ta’ 47 sena li kien uffiċjal tal-Pilatus Bank, Rivera Luis Felipe, ta’ 41 sena - Direttur u Company Secretary tal-Pilatus Bank, Ali Sadr Hasheminejad, ta’ 42 sena - Direttur u sid effettiv tal-Pilatus Bank, Ghambari Hamidreza, ta’ 37 sena - Direttur tal-Pilatus Bank u  Antoniella Gauci, ta’ 36 sena li kienet Accounting officer, Chief Risk Officer u Acting MLRO tal-Pilatus Bank.

"Apparti minn hekk, naf ukoll personalment illi din l-Inkjesta Magisterjali irrakomandat li terga’ tinfetah l-Inkjesta EGRANT ..... liema kumpanija sigrieta fil-Panama hija intimament marbuta mal-operat maħmuġ tal-Pilatus Bank," saħaq Abela li sostna illi Repubblika għandha għalfejn temmen li l-operat tal-Pilatus kien "igawdi mill-protezzjoni ta' politiċi ewlenin tal-Gvern, speċjalment ta' Joseph Muscat." 

More in Politika