Il-Ministru Schembri jippreżenta d-dokumenti tal-ftehim mal-AUM u Smart City

Il-PM kien wiegħed li dan se jseħħ qabel l-elezzjoni, ftit wara li ħabbar illi l-proġett tal-yacht Marina f'Wied il-Għajn mhux ser isir

Il-Ministru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej u l-Artijiet Silvio Schembri bagħat lill-Kumitat Permanenti dwar il-Kontijiet tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika, fi ħdan il-Parlament ta’ Malta, żewġ riżoluzzjonijiet u dokumentazzjoni oħra dwar ftehimiet mal-American University of Malta (AUM) u SmartCity Malta.

Fi stqarrija l-Ministru Schembri fakkar li dan qed isir f’inqas minn mitt jum ta’ gvern ġdid "u allura inżammet il-wegħda li jibda l-proċess biex art verġni fiż-Żonqor tibqa’ mhux mittiefsa, art fil-Kottonera li kellha tinbena mill-AUM se tingħata lura lin-nies, filwaqt li SmartCity se tibqa’ tingħata l-ħajja u ssir waħda mid-destinazzjonijiet ewlenin f’pajjiżna."

Il-Prim Ministru Robert Abela kien wiegħed li dan se jseħħ qabel l-elezzjoni, ftit qabel ħabbar illi l-proġett tal-yacht Marina f'Wied il-Għajn ukoll mhux ser isir, hekk kif il-Gvern kien iffaċċjat bi protesti u reżistenza. Kien il-gazzetta oħt Maltatoday li żvelat illi l-art fiż-Żonqor -  li fuqha kellu jsir żvilupp ta' dormitaorju għall-AUM - se tmur lura għand il-Gvern, b'Abela aktar tard jikkonferma dan fuq il-programm Xtra. 

Filwaqt li l-ftehimiet huma separati minn xulxin, art fi SmartCity li l-Gvern se jikseb lura se tkun allokata għal diversi inizjattivi, fosthom ir-rilokazzjoni tal-AUM minn Wied il-Għajn u minn parti f’Bormla li kienet se tinbena.

Fuq l-art fi SmartCity se jinbena wkoll il-kampus il-ġdid tal-ITS.

Mal-AUM il-bidliet huma primarjament ibbażati fuq it-tpartit ta’ art ma’ oħra filwaqt li fil-każ ta’ Smart City, il-Gvern qal li qed jimpenja ruħu li jagħmel ċertu investiment li minnu tgawdi l-komunità kollha kemm hi. 

Fi SmartCity, l-ispazji miftuħa wkoll mistennija jiżdiedu.

L-art fiż-Żonqor rinunzjata lura lill-Gvern se tkun parti mill-Park Nazzjonali tal-Inwadar, filwaqt li l-art li se tingħata lura lill-poplu f’Bormla se tara proġett ta’ tisbiħ, u n-Nofsinhar ta’ Malta se jkompli jgawdi minn investiment u ħolqien ta’ impjiegi.

Il-Ministru Silvio Schembri
Il-Ministru Silvio Schembri

More in Politika