Bernard Grech ikkonfermat Kap tal-PN: Approvazzjoni ta' 81% tal-Kunsilliera

B'kollox ivvutaw aktar minn 90% tal-Kunsilliera tal-Partit Nazzjonalista...

Bernard Grech, Kap tal-PN
Bernard Grech, Kap tal-PN

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech kiseb il-fiduċja ta' 81% tal-Kunsilliera tal-Partit Nazzjonalista, li matul din il-ġimgħa kienu mitlubin jivvotaw dwar jekk għandhomx fiduċja jew le, biex Grech jibqa' Kap tal-PN. Grech kien elett Kap tal-PN fl-2020, meta kkontesta elezzjoni ma' Adrian Delia li kien elett Kap fl-2017 iżda li safa' sfidat mill-Grupp Parlamentari Nazzjonalista. 

Dakinhar Grech kien rebaħ b'mod konvinċenti ħafna u kiseb 69.3% tal-voti tal-membri tesserati tal-Partit Nazzjonalista.

Kien Peter Fenech mill-Kummissjoni Elettorali tal-PN li ħabbar vot ta' aktar minn 80% għal Grech. B'kollox ivvutaw aktar minn 90% tal-Kunsilliera tal-PN. 

Grech kiseb 1,124 vot jew inkella 81% wara li vvotaw aktar minn 90% tal-Kunsilliera tal-PN. B'kollox fil-fatt ivvutaw 1,402 Kunsilliera minn 1,564 bi 12-il vot invalidu. Minn 1,390 vot, 266 Kunsillier ivvutaw kontra Grech u l'bqija vvutaw favur. 

Grech iwiegħed bidla fil-'Brand PN' u riformi fil-midja u fl-istrutturi tal-partit...

F'diskors wara l-vot Grech wiegħed elenku ta' riformi u bidliet għall-Partit Nazzjonalista li jvarjaw mill-bżonn li l-kumpaniji tal-partit jagħmlu profitt sal-bżonn li l-kuntatt man-nies jkun aktar organizzat, filwaqt li tinbidel id-dehra ġenerali tal-PN, jew dak li hu sejjaħ 'Brand PN'. 
Huwa irringrazzja lill-Kunsilliera li wrew fiduċja fih u qal illi b'dan l-appoġġ - żieda minn l-aħħar elezzjoni interna - "qed turu li  tridu aktar għaqda, tridu partit li jkompli jissaħħaħ, li tridu li l-individwaliżmu jieqaf."

"Illum rebħet il-verità fuq il-gideb, l-imħabba fuq il-mibgħeda," qal Grech għall-approvazzjoni ta' dawk preżenti. Huwa sostna illi l-Kunsilliera għażlu t-triq tad-deċiżjonijiet. 

Kompla billi wiegħed li minn għada stess se tibda l-ħidma għall-elezzjonijiet tal-2024 u l-ħidma għall-elezzjoni ġenerali tal-2027. "Id-deċiżjonijiet li se nieħdu se jwelldu partit aktar organizzat, effiċjenti u b'saħħtu," sostna l-Kap tal-PN. 

Huwa wiegħed ristrutturar tal-assi tal-PN u li se jittieħdu deċiżjonijiet li l-istess partit għandu bżonn fuq l-assi tiegħu. Għalhekk huwa talab li jsir inventarju aġġornat tal-assi tal-PN, biex ikun stabbilit dak li għandu u li ma għandux. Huwa qal ukoll li l-kumpaniji kummerċjali għandhom jibdew joperaw bi profitt. 

Dan qalu fid-dawl tal-fatt li l-MediaLink - il-kumpanija li tiġbor il-midja kollha tal-PN - għandha djun ta' madwar €21 miljun, li jinkludu madwar €14-il miljun fi flus li l-PN stess għadda lil din il-kumpanija. Id-dejn totali tal-PN ilaħħaq it-€32 miljun.

"Il-bżonn tar-rijorganizzazzjoni u dixxiplina huwa importanti... inkluż ta' kull membru tal-partit," qal Grech li sostna illi kulħadd għandu jkollu sehem attiv fil-partit. 

Huwa qal li l-Kumitati Sezzjonali għandhom ikunu komposti minn nies li jkollhom aktar l-irwol ta' koordinazzjoni, tixrid tal-messaġġ u ġbir ta' data mit-toroq, filwaqt li qal ukoll illi l-kandidati għandhom ikollhom aktar l-irwol f'dak li jinfluwenza lin-nies fil-bliet u l-irħula Maltin. 

Huwa qal ukoll li hemm bżonn ikun hemm irwoli ġodda bħal Regional Managers - biex ikunu sostenn għall-istruttura tal-partit. Huwa semma' l-AŻAD u wiegħed li din tkun irriformata wkoll u tgħin għat-taħriġ tal-kandidati u biex issir spazju ta' ħsieb politiku. 

"Irridu naraw fejn hemm bżonn aġġornament fil-Brand PN, naraw kif l-identità - mingħajr ma tintilef - tiġi aġġornata," qal Grech, mingħajr ma indika liema huma dawn il-bidliet fid-dehra tal-partit. 

Huwa qal li Kandidati mhux eletti għandhom jibqgħu jkunu kkonsultati u jibqgħu qrib il-partit.
Grech wiegħed li se jwaqqaf tim ta' Tfassil ta' Politika u ta' Riċerka li jikkoordina l-ħidma tal-clusters u li jiffinalizza l-programmi elettorali tal-elezzjonijiet li ġejjin. 

Qal ukoll li hu se jżur il-lokalitajiet kollha madwar Malta u Għawdex fiż-żmien li ġej, biex jikkonsulta aktar man-nies, "u jekk ma tiġux intom għandna, niġi għandkom jiena. Se nagħtu każ dak li għandkom xi tgħidulna," qal Grech li sostna illi l-home visits se jkunu prijoritizzati u ser isiru b'mod aktar organizzat. 

Hu wiegħed ukoll sistema ta' Customer Care aktar effiċjenti u temm billi indika l-bżonn ta' aktar investiment fil-midja soċjali u l-midja b'mod ġenerali, inkluż tip ta' midja aktar kurrenti.

 

Fl-ewwel reazzjoni s-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Michael Piccinino qal illi dan kien mandat b'saħħtu lil Grech "sabiex jittieħdu d-deċiżjonijiet ħalli l-partit jorganizza ruħu u jkun preparat għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, li huma sentejn 'il bogħod." 

More in Politika