Ix-xahar id-dieħel se tkun qed titwaqqaf l-iskema tas-Suppliment tal-Paga

Dan il-ħlas tal-pagi mill-Gvern fi żmien il-pandemija għal eluf kbar ta' ħaddiema ġie jiswa' b'kollox €720 miljun ...

Il-Gvern se jkun qed iwaqqaf l-iskema tal-Wage Supplement li b'kollox swiet lill-pajjż €720 miljun u li kienet qed tkopri parti mill-paga ta' eluf ta' ħaddiema waqt il-pandemija. Inizzjalment il-Gvern kien qed iħallas €800 għal kull impjegat full time, iżda imbagħad dan il-ħlas inbidel biex €800 baqa' l-ogħla ħlas għal dawk li kienu qed isofru l-akbar telf, filwaqt li dan is-suppliment kien inqas għal dawk li t-telf tagħhom kien iżgħar. 

Kien il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise Kurt Farrugia li ħabbar it-tmiem ta' din l-iskema ix-xahar id-dieħel wara diversi estensjonijiet. 

Anke l-iskema tal-Leave tal-kwarantina se tkun qed tiġi fi tmiemha x-xahar id-dieħel. 

L-iskema tas-Suppliment tal-Paga kienet imnedija sabiex ikun assigurat li ma jintilfux impjiegi fi żmien meta l-pajjiż kien qed jiffaċċja lockdowns parszjali, l-għeluq tal-ajruport u l-għeluq ta' eluf ta' ħwienet u stabbilimenti għal diversi ġimgħat u xhur. 

Intant waqt l-istess konferenza organizzata llum li preżenti għaliha kien hemm ukoll il-Ministru tal-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli, kien żvelat kif 30% tas-Suppliment mar għal dawk in-negozji fil-qasam tal-Akkomodazzjoni, Ikel u aktar, 18% għal Bejgħ bl-Imnut u t-Tiswija tal-vetturi, 14% għas-settur tal-Amministrazzjoni u Attivitajiet ta' appoġġ, 12% għal negozji fit-Trasport, 9% għal negozji fil-Manifattura, 5% għal negozji fl-Arti u d-Divertiment u 4% fuq oqsma oħrajn. 

L-iskema tal-Leave tal-Kwarantina kienet inħolqot sabiex b'hekk il-ħaddiema ma jitilfux mil-leave normali tagħhom, liema leave kien imħallas mill-Gvern. 

More in Politika