'Insew is-sondaġġi, it-tellieqa titlaq xejn b'xejn' - Abela

Il-PM Abela ma jsemmiex il-kwistjoni ta' Joseph Muscat b'mod dirett iżda jinsisti li ħadd ma għandu jipprova jitterrorizza l-istituzzjonijiet biex jiġu kkundizzjonati...

Meta kien qed jitkellem dalgħodu l-Prim Ministru Robert Abela qal li hekk kif se jersaq tmiem il-leġiżlatura f'Ġunju, "stennew l-attakki minn naħa tal-Oppożozzjoni." Huwa qal iżda li l-Partit Laburista kien dejjem magħqud u appella lil dawk preżenti f'Għawdex biex jinsew is-sondaġġi għax, "it-tellieqa titlaq xejn b'xejn u l-forzi kollha kontra l-progress se jippruvaw ikissru lill-Partit Laburista kif dejjem għamlu."

"Dejjem fittixt l-għaqda u hekk se nibqa' nagħmel mhux biss fil-partit imma l-għaqda nazzjonali wkoll," sostna Abela.

Huwa sostna li hu jmexxi Gvern li dejjem emmen fl-istituzzjonijiet u li dawn għandhom jitħallew jaħdmu b'serenità u bil-għan li ssir il-ġustizzja.  "Kulħadd irid ikun kontabbli u l-istituzzjonijiet jridu jaraw li ssir il-ġustizzja u xejn aktar," qal Abela. Huwa qal li kulħadd jippretendi li l-istituzzjonijiet jaqdu biss dmirhom u li l-istituzzjonijiet ma jiġu qatt terrorizzati minn ħadd biex jiġu kkundizzjonati. 

"Aħna ma niddeċidux skont il-populiżmu u x'jingħad fuq il-midja soċjali, bħal meta daħħalna r-regoli marbutin maċ-ċertifikat tal-vaċċin - bħalma għamlu ħafna pajjiżi ewropej -  l-ewwel Bernard Grech qabel u imbagħad qal li dawn ir-regoli huma inkwiżizzjoni fuq il-libertajiet tan-nies. Irrealizza li l-istrateġija tagħna kienet li nlaqqmu kemm jista' jkun nies biex kemm jista' jkun niġu lura għan-normalità malajr u dik ma ridhiex. Ara taħsbu li l-Oppożizzjoni trid li mmorru lura għan-normalità!  Ara taraw jekk qattx ħeġġew lin-nies biex jieħdu l-booster! Biex issa qed jgħid li bis-saħħa tiegħu se jitneħħew," sostna l-Prim Ministru għad-daħk tal-folla preżenti.

"Aħna ridna li jkollna rata għolja ta' vaċċinazzjoni u għax irnexxielna se nħabbru kif mill-ewwel ġimgħa ta' Frar se jkomplu jitneħħew ir-restrizzjonijiet," qal Abela f'riflessjoni ta' dak li ħabbar Fearne ilbieraħ.

Huwa indika wkoll li f'Malta hemm bżonn ukoll niddiskutu jekk għandniex nibdew inqisu l-pandemija, endemija u allura virus li jiġi trattat daqs li kieku riħ.

Abela qal li tul il-pandemija wera' l-Gvern kif inhu differenti mill-Partit Nazzjonalista. "Tajjeb infakkru kif affrontaw il-kriżi ekonomika huma meta l-kriżi kienet ħafna iżgħar, lanqas paragun mal-pandemija," sostna Abela. "Huma żiedu l-prezz tad-dawl, tal-fjuwil u żiedu t-taxxi u aħna qbadna t-triq il-kontra. Aħna ħallasna parti mill-kont u parti mill-kera tan-negozji, fl-eqqel tal-pandemija raħħasna l-prezz tad-diesel u petrol. Meta kont Strasburgu l-ġimgħa l-oħra u rajt il-prezzijiet... tal-waħx," sostna l-Prim Ministru. 

Huwa qal li minflok awsterità l-Gvern investa fin-negozji u l-familji waqt il-pandemija, filwaqt li sostna li ġejja rebbiegħa tajba u sajf ta' ħafna u ħafna xogħol.

Huwa qal li l-Abbozzi li qed iressaq il-PN għandhom l-għan li jipparalizzaw l-ekonomija minkejja li sostna illi bħala "paraventu" qed jgħidu li l-abbozzi huma kontra l-korruzzjoni. Huwa qal li l-abbozzi jridu jagħtu t-timbru ta' "stat mafjuż lil pajjiżna u jiena ngħidilhom m'għandkomx ċans," sostna l-Mexxej Laburista. 

Huwa semma' l-proġett tal-pipeline tal-gass u qal li l-Kap tal-Oppożizzjoni mhux talli ma tkellimx favur pajjiżna, talli baqa' ċass. "Ara aħna quddiem it-test (tal-Presidenza ta' Metsola) aħna ġibna lil Malta l-ewwel u qabel kollox. Aħna nħobbu lil pajjiżna dejjem, mhux meta nkunu fil-Gvern biss," saħaq Abela. 

More in Politika