L-MUMN takkuża lill-Gvern li qed juża l-Qrati biex jagħlqilha ħalqha

Insistiet li dan juri 'arroganza u anke nuqqas ta' rispett' li għandu l-Gvern lejn il-ħaddiema tas-saħħa u reġgħet ordnat diversi direttivi

Il-Unjin Maltija għall-Infermiera u l-Qwiebel (MUMN) qalet li taħt il-Gvern tal-Prim Ministru Robert Abela, il-Qrati qed jintużaw kontinwament kontriha biex il-ħaddiema tas-saħħa ma jkunux jistgħu jitkellmu biex ikun hemm titjieb fil-kundizzjonijiet ta’ xogħolhom.

Fi stqarrija, l-MUMN qalet li ħadd mill-Prim Ministru jew il-Ministri tas-Saħħa l-oħra ma użaw il-Qrati kontra d-drittijiet tal-professjonisti fil-qasam tas-saħħa.

“Dan juri arroganza u anke nuqqas ta’ rispett li għandu dan il-Gvern lejn il-ħaddiema tas-saħħa,” insistiet l-MUMN. 

Spjegat li ilha għal dawn l-aħħar disa’ xhur taħdem biex jintlaħaq ftehim mad-Diviżjoni tas-Saħħa fuq diversi ftehim settorjali iżda, fi kliemha, dejjem intlaqgħet “b’arroganza u ras iebsa mill-Gvern.”

Insistiet li l-laqgħat kollha qed jispiċċaw mingħajr qbil u mhu qed ikun hemm l-ebda għażla oħra ħlief li jkun hemm direttivi. 

“Meta mbagħad ikun hemm id-direttivi, id-Diviżjoni tas-Saħħa tmur quddiem il-Qrati biex twaqqaf l-azzjonijiet industrijali,” kompliet il-Unjin.

Ilmentat ukoll li quddiem il-Qrati, l-arroganza tad-Diviżjoni qatt ma tittieħed inkonsiderazzjoni u d-deċiżjoni qed tkun ibbażata biss fuq l-azzjonijiet industrijali.

Fi kliem l-MUMN, din hija diskriminazzjoni iżda saħqet ukoll li mhux se tagħlaq ħalqha u se tkompli titkellem. 

Aktar direttivi

Għalhekk, l-MUMN qalet li qed toħroġ mill-ġdid diversi direttivi li se japplikaw għal dawn li ġejjin:

  • Decontamination Sterile Technicians ( DSTS);
  • Dental Surgery Assistants ( DSAs); u 
  • l-phlebotomists.

Direttivi f'Mater Dei u San Vinċenz

Apparti minn hekk bħalissa hemm fis-seħħ direttivi oħra fl-Isptar Mater Dei biex l-infermiera ma jużawx is-sistema Robotika għall-amministrazzjoni tal-pirmli.

Fi kliem l-MUMN, id-Diviżjoni tas-Saħħa ma tridx tammetti li din is-sistema hija “falliment totali.”

L-MUMN waqqfet ukoll lill-membri tagħha fir-Residenza San Vinċenz de Paule milli jaċċettaw anzjani ġodda u ordnat ukoll lock down totali fir-residenza.

Dan hekk kif id-Diviżjoni tas-Saħħa mhux taqbel dwar l-għadd ta’ gradwati ġodda li hemm bżonn li jkunu ingaġġati fis-Settur tal-Anzjani. 

Qalet li din is-sena, il-Ministru għas-Saħħa ddeċieda li l-infermiera kollha li ggradwaw din is-sena għandhom jinżammu fis-Settur tas-Saħħa. Ħadd minnhom ma kien ingaġġat f’San Vinċenz de Paule. 

“Din id-deċiżjoni qed twassal mhux biss għal diskriminazzjoni kontra San Vinċenz de Paule imma anke għall-infermiera li jaħdmu fir-residenza. Dan għax l-infermiera f’San Vinċenz mhux qed jitħallew li jingħataw trasferiment minn San Vinċenz għall-Mater Dei bħall-infermiera l-oħra li jaħdmu fid-Diviżjoni tas-Saħħa. Huwa ċar li l-infermiera nqabdu f’kunflitt bejn żewġ Ministeri,” kompliet l-istqarrija. 

Temmet tisħaq li l-MUMN tirrispetta d-deċiżjonijiet kollha tal-Qrati iżda saħqet li dawn id-deċiżjonijiet mhux se jwaqqfuha milli tkompli tiġġieled għad-drittijiet tal-membri tagħha. 

More in Politika