Il-lukanda fejn kienet is-Seabreeze f'Birżebbuġa tapplika biex titla' disa' sulari

Il-Lukanda se tikber minn 32 għal 86 kamra ...

Immaġini tal-lukanda l-ġdida fil-Bajja s-Sabiħa f'Birżebbuġa
Immaġini tal-lukanda l-ġdida fil-Bajja s-Sabiħa f'Birżebbuġa

Lukanda f'Birżebbuġa - l-eks binja tas-seabreeze - applikat biex titla' għal disa' sulari - ftit xhur wara li kienet ingħatat il-permess ta' seba' sulari  - biex issa se tkun l-ogħla bini mal-Bajja s-Sabiħa, flimkien mal-binja tal-lukanda Water's Edge.  Din tal-aħħar hija proprjetà ta' Charles Polidano (Iċ-Ċaqnu) u hija għolja tmien sulari. 

Oriġinarjament is-Sovvratendenza tal-Wirt Kulturali esprimiet tħassib għaż-żieda fl-għoli tal-lukanda, minħabba li tinsab eżatt maż-żona ta' konservazzjoni urbana ta' Birżebbuġa.  Kienet qalet illi l-ogħli tkun tiddomina fuq it-toroq tal-madwar, li ħafna minnhom huma mimlijin djar antiki. 

Minkejja li l-ogħli fiż-żona huwa limitat għal ħames sulari, żewġ sulari oħrajn kienu approvati skont il-politika li tagħti żewġ sulari oħra lil binjiet li huma lukandi. 

Il-lukanda kienet approvata fl-2020 u minn 32 kamra issa se jkollha 86.

Wara bidliet fil-faċċata, il-lukanda kienet approvata mill-Kummissjoni tal-Ippjanar tal-Awtorità tal-Ippjanar. 

Il-lukanda tas-Seabreeze ilha fil-lokalità snin sħaħ u għal xi żmien kienet fil-fatt l-unika lukanda f'dan ir-raħal fin-nofsinhar ta' Malta, li kull ma jmur qiegħed dejjem isir aktar popolari, l-aktar minħabba ir-ramla kbira kif ukoll il-ftuħ ta' stabbilimenti ġodda u anke pixxina tal-waterpolo ġdida, li nfetħet fl-aħħar snin. 

More in Politika