Siġġu inqas għall-PN? Ryan Mercieca jitfa' n-nomina għall-elezzjoni każwali fit-13-il distrett

Il-Ħadd li għadda l-Partit Nazzjonalista ddisassoċja ruħu minnu u talbu ma jikkontestax hekk kif qed ikun investigat mill-kumitat tal-etika

Ryan Mercieca tefa’ n-nomina tiegħu għall-elezzjoni każwali fuq it-13-il Distrett anke jekk il-Partit Nazzjonalista tah struzzjonijiet biex ma jagħmilx dan.

Mercieca ħareġ mal-Partit Nazzjonalista fl-aħħar elezzjoni ġenerali, iżda l-Ħadd li għadda l-Partit Nazzjonalista ddisassoċja ruħu minnu hekk kif qed ikun investigat mill-kumitat tal-etika.

F’Jannar 2017, il-Kummissarju tal-Pulizija kien ordnat jinvestiga inċident li fih it-teżorier tal-Assoċjazzjoni tal-NGOs Għawdxin, Joseph Camilleri, kien allegatament mhedded mis-segretarju tal-grupp barra l-Qorti, wara li kien xehed f’libell kontra it-Torċa.

Camilleri qal li Mercieca kien resaq lejh fil-kuritur barra l-awla u staqsih jekk kienx talab permess mill-assoċjazzjoni biex jippreżenta dokumenti lill-Qorti.

Skont Camilleri, hu kien tkellem mal-President tal-Assoċjazzjoni, iżda Mercieca allegatament wieġbu: “issa ġejja tiegħek.”

Il-Partit Nazzjonalista qal li kien talab lil Mercieca biex jiddefendi l-pożizzjoni tiegħu iżda dan ma ċaħad milli jagħmel hekk.

Minkejja d-deċiżjoni tal-PN li jkeċċih, Mercieca xorta waħda tefa’ n-nomina tiegħu u dan hekk kif se ssir elezzjoni każwali wara l-mewt ta’ Frederick Azzopardi. 

Mercieca kiseb 738 vot iżda ma kienx elett.

L-elezzjoni każwali se ssir nhar il-Ħamis. 

Jekk ikun elett, Mercieca se jkun qed ipoġġi fil-Parlament bħala Deputat indipendenti u effettivament ikun ifisser siġġu inqas għall-PN. 

More in Politika