Taħriġ mill-Juventus Academy permezz ta’ kamp sportiv f’Malta

Kull coach ħa ħsieb massimu ta’ 15-il plejer b’total ta’ 120 tifel li l-età tagħhom tvarja bejn 5 u 17-il sena

Il-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli żaret il-kumpless tal-Luxol Ground fejn segwiet lit-tfal jitħarrġu u pparteċipat fiċ-ċerimonja tal-għeluq tal-Juventus Training Academy.

Dan il-kamp ta’ taħriġ (training camp) kien mifrux fuq ħamest ijiem u l-għan tiegħu hu li jħarreġ it-tfal fit-teknika tal-futbol waqt li jagħmlu ħbieb ġodda u jkollhom esperjenza mill-viċin tat-taħriġ kif isir fil-kumpless tal-Juventus f’Turin. Dan sar minn tim tekniku ta’ coaches barranin mill-Juventus Academy u bl-assistenza ta’ xi coaches lokali.

Kull coach ħa ħsieb massimu ta’ 15-il plejer b’total ta’ 120 tifel li l-età tagħhom tvarja bejn 5 u 17-il sena. Ittieħdu l-prekawzjonijiet kollha neċessarji bħat-temperatura u diżinfettar tal-apparat. Bejn is-sessjonijiet it-tfal kienu offruti ikel f’ambjent professjonali sportiv.

Dan l-avveniment kien possibbli grazzi għas-sapport mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu bl-għan li tinġieb il-brand Juventus f’Malta, filwaqt li ssir promozzjoni barra minn Malta u mal-Juventus stess li m’għandhom bżonn l-ebda introduzzjoni anke għall-fatt li għandhom miljuni kbar ta’ segwaċi. Dan huwa fost sensiela ta’ ftehim kummerċjali li l-awtorità diġà għandha ma’ brands u persuni oħra rinomati fil-kamp sportiv, inkluż dak li Malta hija attwalment id-destinazzjoni uffiċjali ta’ klabb ieħor rinomat, dak tal-Manchester United.

Il-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli qalet li din hija esperjenza unika għat-tfal tagħna. Apparti minn hekk, dan huwa mod ta’ kif insaħħu t-turiżmu sportiv f’pajjiżna bl-għan li jiġu parteċipanti u familji minn barra minn Malta apposta għal dan l-avveniment u jgawdu minn dak li għandu x’joffri pajjiżna. “Dan hu mod ieħor kif inkomplu nirreklamaw lil pajjiżna fuq livell internazzjonali f’ambjent mill-iżjed professjonali,” sostniet il-Ministru Farrugia Portelli.

Min-naħa tiegħu, iċ-Chairman tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Dr Gavin Gulia qal li huwa unur li nġiebet Malta mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu din il-brand prestiġjuża li tkompli tgħolli l-profil ta’ pajjiżna barra minn xtutna. Żied jgħid li jinsab ottimist li dan il-proġett ikompli jikber u jrendi fiż-żmien li ġej grazzi għal edizzjonijiet oħra futuri.

Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, l-Isport u l-Volontarjat Clifton Grima żar ukoll it-training camp, u stqarr kemm hu importanti l-investiment fit-tfal tagħna, bl-għan li jitħarrġu ma’ klabbs professjonisti grazzi għal opportunitajiet bħal dawn li jgħinu lit-tfal fiżikament, teknikament u mentalment. Żied jgħid li t-titjib u l-iżvilupp tal-faċiltajiet sportivi madwar Malta huwa imperattiv biex inkomplu nilqgħu entitajiet u professjonisti barranin.

More in Politika