€12,000 għar-restawr tal-makkinarju tal-arloġġ tas-seklu 18 fiċ-Ċittadella

L -arloġġ ta’ Ġużeppi Muscat, li hu l-uniku wieħed li baqa’ ta’ dan l-imgħallem fil-gżejjer Maltin

Il-Ministru Camilleri waqt l-inawgurazzjoni tax-xogħol
Il-Ministru Camilleri waqt l-inawgurazzjoni tax-xogħol

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri inawgura x-xogħlijiet ta’ restawr, b’valur ta’ madwar €12,000, li saru matul dawn l-aħħar xhur fuq il-makkinarju tal-arloġġ ta’ Ġużeppi Muscat u t-turretta li tilqa’ fiha lil dan il-makkinarju. Hu spjega li din l-inawgurazzjoni ma saritx biss għax ridna nfakkru x-xogħol ta’ restawr fuq l-arloġġ ta’ Ġużeppi Muscat, li hu l-uniku wieħed li baqa’ ta’ dan l-imgħallem fil-gżejjer Maltin, iżda wkoll biex nuru l-apprezzament lejn il-ħaddiema u lejn il-ħidma siekta u d-dedikazzjoni kontinwa tagħhom.

Il-Ministru Camilleri stqarr li “l-involviment u l-kooperazzjoni bejn il-Ministeru għal Għawdex ma’ entitajiet pubbliċi kif ukoll privati f’dan il-proġett jixhdu l-impenn u l-politika ta’ dan il- Gvern li kull wieħed u waħda minna nistgħu nikkontribiwxxu bil-mod varju tagħna, għall-kura u l-ħarsien tal-wirt nazzjonali tagħna.” Dan filwaqt li kompla jgħid li post estensiv u sensittiv bħalma huwa ċ-Ċittadella, jirrekjedi programm sħiħ ta’ manutenzjoni u restawr kontinwu matul is-sena kollha.

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri elenka xi proġetti bħax-xogħlijiet ippjanati fuq ir-Ravelin, ix-xogħlijiet kurrenti fuq il-faċilitajiet sanitarji pubbliċi, il-ħolqien ta’ mudell 3D fil-bronż taċ-Ċittadella, u r-restawr tan-niċeċ fid-daħla tal-Belt il-qadima, filwaqt li stqarr li dawn huma biss ftit eżempji li jixhdu l-impenn li għandu l-Ministeru lejn iċ-Ċittadella kif ukoll lejn il-ħarsien tal-wirt kulturali ta’ gżiritna.

Min-naħa tiegħu d-Direttur għall-Wirt Kulturali John Xuereb fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex, qal li sa mit-twaqqif tiegħu d-Direttorat, fassal programm ta’ restawr u proġetti bil-għan li dak li ħallewlna missirijietna mhux biss inħarsuh, iżda nkomplu nibnu u ntejbu fuqu.

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri temm billi ħeġġeġ lill-ħaddiema jkomplu bil-ħidma assidwa tagħhom filwaqt li rringrazzja lid-Direttorat għall-Wirt Kulturali u lil kull min ta sehmu f’dan ir-restawr.

More in Politika