Ġustifikazzjonijiet tal-kunsilli għan-nuqqas ta’ minuti

Il-Birgu, Ħad-Dingli, l-Imtarfa u x-Xewkija aġġornaw il-minuti tagħhom

Kull kunsill lokali issa aġġornat bl-aħħar minuti tal-laqgħat wara storja li dehret f’din il-gazzetta f’Jannar li għadda
Kull kunsill lokali issa aġġornat bl-aħħar minuti tal-laqgħat wara storja li dehret f’din il-gazzetta f’Jannar li għadda

Wara li fil-bidu tas-sena din il-gazzetta kienet żvelat kif madwar għoxrin kunsill lokali kien qed jonqos milli jpoġġi l-minuti tiegħu fuq l-internet kif mitlub mil-liġi, il-bord tal-governanza lokali issa ta l-aħħar twissija lil ħames kunsilli lokali li kienu baqgħu mhux aġġornati.

Dawn kienu l-kunsilli lokali tal-Birgu, Ħad Dingli, l-Imtarfa, ż-Żurrieq u Xewkija. 

Minbarra dawn, ingħataw l-aħħar twissija wkoll il-kumitat reġjonali Xlokk, u l-kumitati amministrattivi ta’ Fleur-de-Lys, Santa Luċija Għawdex, Gwardamangia, Paceville, Madliena u Xlendi. 

Is-Segretarji Eżekuttivi kienu avżati li jekk ma jimxux mal-aħħar twissija, se jkunu ordnati passi dixxiplinarji kontrihom mid-Direttur tal-Gvern Lokali.

Iżda ma kienx hemm bżonn ta’ aktar passi hekk kif dawn irregolarizzaw il-pożizzjoni tagħhom kif mitlub fi żmien ħamest ijiem wara t-twissija formali. 

Illum jinsab infurmat li fost ir-raġunijiet li ngħataw mis-Segretarji Eżekuttivi kien hemm problemi tekniċi, nuqqas ta’ ħaddiema fil-kunsilli u nuqqas ta’ quorum li kien iwassal biex il-minuti ma setgħux ikunu approvati.

B’hekk jidher li għall-ewwel darba f’diversi xhur, kull kunsill u kumitat amministrattiv jinsab aġġornat bl-aħħar minuti tal-laqgħat fuq is-sit tiegħu. Dan kif mitlub mil-liġi.

Din il-gazzetta kienet ġa żvelat kif l-istess bord tal-governanza lokali kien ġibed l-attenzjoni lid-direttur tal-kunsilli dwar dan f’Settembru u f’Diċembru li għadda, iżda t-talbiet kienu ġew injorati fiż-żewġ okkażjonijiet.

More in Politika