Miriam Dalli mitluba twaqqaf il-programm

Miriam Dalli, l-eks kap tal-aħbarijiet tal-istazzjon Laburista u kandidata għall-Parlament Ewropew, se tieqaf tippreżenta l-programm popolari TX fuq ONE minħabba direttiva tal-Partit Laburista. 

Id-direttiva għandha l-għan li tassigura li kandidati tal-partiti ma jkollhomx vantaġġ ta’ promozzjoni fuq oħrajn billi jkollhom il-programm tagħhom fuq it-televiżjoni jew radju tal-partit.

Id-direttiva se tapplika tliet xhur qabel l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew f’Mejju li ġej. 

Għaldaqstant Dalli se tintalab tieqaf tippreżenta fi ftit jiem.

Mitluba tikkummenta dwar dan, hi qalet li taqbel ma’ din id-deċiżjoni.

“Vera li programm itik aktar promozzjoni, però l-programm ma jtikx il-kuntatt personali man-nies, li hu meħtieġ biex ikun viċin l-elettorat,” qalet il-kandidata, li hi meqjusa bħala waħda mill-favoriti li tkun eletta għal Brussell.

More in Politika