Il-Maltin sodisfatti aktar mill-Ewropej dwar ix-xogħol

Skont stħarriġ li sar fl-aħħar jiem mill-Unjoni Ewropea, il-Maltin huma ħafna aktar kuntenti dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol meta kkumparati mal-pajjiżi l-oħra tal-Unjoni Ewropea. 

Aktar minn 80% tal-Maltin kuntenti bil-inijiet tax-xogol li jadmu
Aktar minn 80% tal-Maltin kuntenti bil-inijiet tax-xogol li jadmu

Mistoqsija jekk humiex kuntenti bil-kundizzjonijiet preżenti tax-xogħol, sebgħa minn kull għaxar Maltin wieġbu fil-pożittiv, 16% aktar minn kif wieġbu l-Ewropej. 

Minn naħa l-oħra, filwaqt li 43% tal-Ewropej iddeskrivew il-kundizzjonijiet attwali tax-xogħol bħala ħżiena, kienu biss madwar 20% tal-Maltin li wieġbu b’dan il-mod. 

Għal dan l-istħarriġ tal-Eurobarometer, il-kundizzjonijiet tax-xogħol kienu jinkludu l-ħin, is-saħħa u s-sigurtà, kif inhu organizzat ix-xogħol, ir-rappreżentanza tal-impjegati u r-relazzjoni ma’ min iħaddem. 

Il-Maltin kienu aktar pożittivi mill-Ewropej anke fejn jidħlu l-kundizzjonijiet tax-xogħol matul l-aħħar ħames snin. 40% tal-Maltin li pparteċipaw f’dan l-istħarriġ qalu li l-kundizzjonijiet tjiebu, b’kuntrast kbir mat-12% biss tal-Ewropej li jemmnu dan. 

Kważi 60% tal-Ewropej jemmnu li l-kundizzjonijiet tagħhom mhux talli ma tjiebux talli marru għall-agħar, li hu persentaġġ erba’ darbiet aktar minn kif wieġbu l-Maltin (15%).

35% tal-Maltin intervistati qalu li jaħsbu li l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom baqgħu l-istess matul l-aħħar ħames snin, filwaqt li għaxra fil-mija wieġbu li ma jafux. 

Mistoqsija dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, 76% qalu li huma sodisfatti, b’aktar minn tmienja minn kull għaxra tal-parteċipanti Maltin jsostnu li huma kuntenti dwar il-ħinijiet tax-xogħol li jkollhom jagħmlu.

Fost l-akbar inkwiet li għandhom il-ħaddiema Maltin fuq is-saħħa u s-sigurtà, joħroġ biċ-ċar li l-istress hija l-aktar kundizzjoni komuni fost il-ħaddiema Maltin. L-istħarriġ juri wkoll li nkwiet ieħor li l-ħaddiema Maltin ikunu anzjużi dwaru jinkludi movimenti repetittivi li jwasslu għal għejja u wġigħ, kif ukoll li jkollhom inċident jew korriment serju fuq il-post tax-xogħol.

More in Politika