Melita tissieħeb ma’ Just in Case biex iġġib protezzjoni personalizzata għall-mobiles

Melita daħlet fi sħubija ma’ Just in Case biex toffri aċċessorji premium għall-mobiles u servizzi ta’ personalizzazzjoni rapida fil-ħwienet tagħha madwar Malta

Melita Limited ħabbret sħubija ġdida ma’ Just in Case, li permezz tagħha qed tintroduċi firxa wiesgħa ta’ aċċessorji ta’ kwalita għall-mobiles kif ukoll servizzi ta’ personalizzazzjoni.

Imwaqqfa fl-Italja fl-2019, Just in Case kibret b’rata mgħaġġla biex saret waħda mill-marki ewlenin fil-bejgħ ta’ aċċessorji għall-mobiles fil-pajjiż. Il-kumpanija tgħaqqad il-kwalità, id-disinn u t-teknoloġija biex toffri prodotti eleganti u aċċessibbli mfassla għall-konsumaturi moderni. B’preżenza b’saħħitha madwar l-Ewropa u espansjoni internazzjonali kontinwa, il-marka hija magħrufa talli qed terġa’ tiddefinixxi l-aċċessorji tal-mobiles bħala prodotti personalizzati u mmexxija mill-moda.

Permezz ta’ dan il-ftehim, il-prodotti ta’ Just in Case issa huma disponibbli fil-ħwienet kollha ta’ Melita madwar Malta. Il-klijenti li jixtru smartphone mingħand Melita Limited issa jistgħu jgħaqqdu l-mobile tagħhom ma’ cover protettiv u screen protector, u b’hekk ikollhom soluzzjoni konvenjenti “grab and go” li tiżgura protezzjoni immedjata għal kull mobile.

Is-sħubija tiffoka fuq offerta ta’ prodotti ta’ kwalità għolja bi prezzijiet aċċessibbli, u tgħaqqad id-durabbiltà ma’ disinn kontemporanju. L-aċċessorji ta’ Just in Case huma ddisinjati fl-Italja u jkopru aktar minn 500 mudell ta’ smartphone, u b’hekk jiżguraw kompatibbiltà ma’ firxa wiesgħa ta’ mobiles.

Waħda mill-aktar karatteristiċi ewlenin ta’ din il-kollaborazzjoni hija l-possibbiltà għall-klijenti li jippersonalizzaw kompletament il-cover tal-mobile tagħhom f’10 minuti biss mill-ħanut ta’ Melita f’Ħal Tarxien. Permezz ta’ teknoloġija avvanzata ta’ personalizzazzjoni fil-ħanut, il-klijenti jistgħu joħolqu disinji uniċi billi jużaw ritratti, test u grafika esklussiva, u b’hekk jiksbu prodott tassew personalizzat magħmul dak il-ħin stress.

Il-firxa tinkludi wkoll disinji uffiċjali liċenzjati permezz ta’ sħubijiet ma’ Warner Bros. u s-Serie A, li jinkludu franchises magħrufa globalment u klabbs ewlenin tal-futbol. Dan jippermetti lill-klijenti jagħżlu minn varjetà ta’ covers oriġinali u ta’ kwalità għolja flimkien ma’ għażliet personalizzati.

Graziella Costa, Head of Customer Experience & Sales ta’ Melita Limited, qalet: “Din il-kollaborazzjoni ma’ Just in Case tkompli ssaħħaħ l-offerta tagħna fil-ħwienet billi tgħaqqad il-kwalità, l-istil u l-personalizzazzjoni f’post wieħed. Tippermetti lill-klijenti jipproteġu l-mobile tagħhom immedjatament jew joħolqu xi ħaġa unika tagħhom, kollha fi ħdan esperjenza bla xkiel fil-ħanut.”

Adam Brockdorff minn Just in Case żied jgħid: “Il-missjoni tagħna hija li noffru aċċessorji ta’ kwalita mmexxija mid-disinn li jgħaqqdu l-kwalità mal-aċċessibbiltà. Is-sħubija ma’ Melita tippermettilna nġibu l-kunċett innovattiv tagħna u t-teknoloġija rapida ta’ personalizzazzjoni lill-klijenti f’Malta, u noffru soluzzjonijiet għal kull okkażjoni, kull utent u kull bżonn.”

Din is-sħubija tifforma parti mill-istrateġija kontinwa ta’ Melita biex tkompli ttejjeb l-esperjenza tal-klijenti fil-ħwienet tagħha, billi toffri mhux biss soluzzjonijiet ta’ konnettività iżda wkoll firxa komprensiva ta’ aċċessorji li jgħaqqdu l-konvenjenza, il-protezzjoni u l-personalizzazzjoni.

More in Kummer?jali