Grupp ta' impjegati tal-BOV jagħmlu xogħol volontarju fid‑Dar tal‑Providenza

Aktar impjegati qed jiddedikaw il-ħin u l-ħiliet tagħhom biex jagħtu lura lill-komunità

BOV volontarjat
BOV volontarjat

Grupp ta’ impjegati tal-Bank of Valletta qattgħu ġurnata jagħmlu xogħol volontarju fid‑Dar tal‑Providenza fis-Siġġiewi. Huma taw daqqa t’id f’diversi attivitajiet, fosthom xogħol ta’ tindif, għajnuna fil‑kċina, ħasil tal‑vetturi tad‑Dar, u xogħol ġenerali ta’ manutenzjoni.

Il-Bank ilu għal snin twal ta’ spalla għal din l-organizzazzjoni permezz ta’ numru ta’ inizjattivi, b’mod partikolari l‑BOV Volleyball Marathon, li din is‑sena se ssir bejn is‑16 u t‑18 ta’ Lulju u, għall‑ewwel darba, fl‑MFCC f’Ta’ Qali.

Din l‑attività ta’ volontarjat fid‑Dar tal‑Providenza tifforma parti mill‑impenn kontinwu tal‑Bank lejn il‑komunità permezz ta’ programm strutturat ta’ volontarjat, li matul l‑ewwel xhur tal‑2026 ra parteċipazzjoni qawwija mill‑impjegati. Madwar 100 impjegat minn diversi dipartimenti fi ħdan il‑Bank iddedikaw il‑ħin tagħhom biex jappoġġjaw disa’ NGOs li jaħdmu fis‑setturi soċjali u ambjentali. Bejn Frar u April, l‑NGOs appoġġjati kienu Embrace, Inspire, Voice of Inclusion Gozo, Dar Papa Franġisku, Caritas Malta, Conservatorio Vincenzo Bugeja, MSPCA, Din l‑Art Ħelwa u Grow 10 Trees.

Il-Bank joffri lill-impjegati tiegħu ġurnata leave addizzjonali kull sena biex jagħmlu xogħol volontarju. Din l‑inizjattiva, li tnediet fl‑2024, tifforma parti mill‑impenn kontinwu tal‑Bank lejn ir‑Responsabbiltà Soċjali Korporattiva u tenfasizza r‑rabta qawwija bejn li l-ħaddiema jaħdmu f’tim lil hinn mill-post tax-xogħol u impatt pożittiv fuq is‑soċjetà.

Ernest Agius, Chief Operations Officer tal‑BOV, qal, “Attivitajiet ta’ volontarjat, bħal din fid‑Dar tal‑Providenza, jibqgħu pilastru importanti għall‑Bank of Valletta, hekk kif isaħħu l‑impenn tagħna fil‑komunità li naqdu. Il‑parteċipazzjoni qawwija tal‑impjegati sa mit‑tnedija tal‑inizjattiva ta’ volontarjat fl‑2024 tirrifletti kemm l‑impenn ġenwin tal‑management kif ukoll dak tal‑impjegati tagħna biex jagħtu lura u jagħmlu impatt pożittiv fuq is‑soċjetà.”

Ray Debattista, Chief People & Culture Officer tal‑BOV, saħaq fuq ir‑rabta li dawn l‑inizjattivi ta’ volontarjat joħolqu bejn l‑impjegati lil hinn mill‑ambjent tax‑xogħol.  Qal, “Dawn jirriflettu l‑impenn tal‑Bank lejn il‑benesseri tal‑impjegati, fid‑dawl tal‑impatt pożittiv li esperjenzi bħal dawn għandhom fuq l‑iżvilupp personali tagħhom u b’mod ġenerali fuq l-impenn tagħhom fil-komunità.”

L-Għaqdiet Mhux Governattivi involuti laqgħu b’sodisfazzjon l‑appoġġ ipprovdut mill‑impjegati u esprimew l‑apprezzament tagħhom għall‑ħin, l‑enerġija u l‑entużjażmu tagħhom għal dak li jaħdmu għalih.

 

More in Kummer?jali