Il-Bord tad-Diretturi ta’ Simonds Farsons Cisk plc ħabbar sena oħra ta’ tkabbir stabbli li matulha l-Grupp kompla jtejjeb ir-riżultati finanzjarji tiegħu minkejja li qed jopera f’ambjent dejjem aktar dinamiku u kompetittiv.
Il-Grupp kellu dħul record ta’ €106.5 miljun mill-qasam tax-xorb, jiġifieri żieda ta’ 4.63% mis-sena ta’ qabel. Il-profitt qabel it-taxxa min-negozju tax-xorb żdied bi 8.2% għal €16-il miljun, filwaqt li l-qligħ tal-Grupp qabel it-taxxa u kull tnaqqis ieħor (EBITDA) laħħaq id-€29.2 miljun. Il-profitt gross tjieb minn 42.5% għal 42.7% bis-saħħa tal-effiċjenza fl-operat u tal-immaniġġjar xieraq tal-ispejjeż minkejja l-pressjonijiet kontinwi tal-għoli tal-ħajja, u tal-ispejjeż tal-merkanzija u tax-xogħol.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Grupp, Norman Aquilina, qal li: “Il-Grupp qed ikompli jopera f’ambjent internazzjonali diffiċli b’instabbiltà ġeopolitika, tfixkil fil-provvista, prezzijiet tal-merkanzija instabbli , u nuqqas ta’ ħaddiema. Minkejja dawn il-kundizzjonijiet u l-kompetizzjoni ħarxa tas-suq lokali, ksibna riżultati konsistenti u tajbin permezz tal-‘brands’ b’saħħithom tagħna, id-dixxiplina fl-operat, u s-saħħa li għandu l-portafoll varjat tax-xorb tagħna li jadatta għaċ-ċirkostanzi.”
In-negozju tal-ikel tal-Grupp ukoll kiseb riżultati kummerċjali aħjar fl-aħħar tmien xhur. Kellu dħul ta’ €29.7 miljun u għamel profitt qabel it-taxxa ta’ €3 miljuni. Matul is-sena l-Grupp temm b’suċċess l-ispin-off strateġiku tan-negozju tal-ikel fi Quinco Holdings plc. b’ishma elenkati b’valur totali ta’ €46.8 miljun, imqassmin lill-azzjonisti permezz ta’ ‘dividend in kind’.
Iċ-Chairman Louis A Farrugia enfasizza fuq l-investiment kontinwu tal-Grupp biex isaħħaħ l-operat u jżid is-sostenibbiltà. Kompla l-investiment ukoll fit-tħaddim tal-impjant ta’ irkupru tas-CO₂ u għall-konverżjoni tal-boilers b’LPG biex titjieb l-effiċjenza u jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-karbonju. Il-Grupp kompla miexi wkoll bil-proġett tiegħu ta’ €11-il miljun sabiex l-loġistika tkun tista’ ssir aktar b’mod awtomatiku. Dan mistenni jitlesta sa tmiem l-2027 u se jkompli jsaħħaħ l-effiċjenza fil-provvista u l-kompetittività.
Il-Bord se jirrakkomanda dividend finali nett ta’ €5.22 miljun (€0.145 għal kull sehem), fil-Laqgħa Ġenerali Annwali li jmiss. Se tintalab l-approvazzjoni biex id-dividend totali mqassam għas-sena finanzjarja 2026 ikun ta’ €7.56 miljun, jiġifieri €0.21 ghal kull sehem.
“B’ħarsa l quddiem, Il-Grupp jinnota li l-ambjent li jopera fih se jibqa’ diffiċli minħabba kompetizzjoni aktar intensa. Għalhekk se nibqgħu ffukati biex inkomplu nżidu l-valur sostenibbli fit-tul, nsaħħu l-operat, ninvestu b’mod dixxiplinat, u nibqgħu nadattaw għall-konsumaturi u s-suq,” ikkonkluda Louis A Farrugia.
Dawn huma l-aħħar Rapport Annwali u Laqgħa Ġenerali Annwali li fihom is-Sur Norman Aquilina qed jindirizza lill-azzjonisti fil-kariga tiegħu bħala Kap Eżekuttiv tal-Grupp.
Minflok is-Sur Aquilina se jkun hemm is-Sur Michael Farrugia, li nħatar fil-kariga ta’ ‘CEO Designate’ f’Ottubru 2025 u li se jassumi it-tmexxija tal-Grupp bħala Kap Eżekuttiv mill-1 ta’ Lulju 2026.