L-MFSA kontra ċ-ċentralizzazzjoni ta’ CASPs ewlenin u inizjattivi ta’ superviżjoni relatati

L-MFSA ser tibqa’ tiffoka fuq it-trawwim ta’ settur finanzjarju reżiljenti u kompetittiv għax temmen li l-isforzi fil-livell Ewropew għandhom ikunu mmirati lejn il-ħolqien ta’ ambjent li jsaħħaħ il-kompetittività aktar milli jżid burokrazija bla bżonn.

L-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji (MFSA) irreaġixxiet għal kummenti reċenti fil-midja dwar iċ-ċentralizzazzjoni tas-superviżjoni tal-Crypto-Asset Service Providers (CASPs) ewlenin u l-aġenda usa’ ta’ konverġenza superviżorja fil-livell Ewropew.

Fir-rigward tal-idea taċ-ċentralizzazzjoni tas-superviżjoni tal-CASPs, l-MFSA enfasizzat li, f'dan l-istadju, ma tappoġġjax iċ-ċentralizzazzjoni. Din il-pożizzjoni hija bbażata fuq l-implimentazzjoni reċenti tar-Regolament dwar il-Markets in Crypto-Assets (MiCA), li ilu japplika biss disa’ xhur. Huwa kmieni wisq biex jiġi vvalutat l-impatt sħiħ tiegħu, speċjalment fuq il-CASPs, u l-MFSA temmen li dan mhux iż-żmien xieraq biex jiġu introdotti livelli addizzjonali ta’ superviżjoni li jistgħu potenzjalment ifixklu l-kompetittività u l-innovazzjoni fis-suq tal-assi diġitali.

L-MFSA ser tibqa’ tiffoka fuq it-trawwim ta’ settur finanzjarju reżiljenti u kompetittiv għax temmen li l-isforzi fil-livell Ewropew għandhom ikunu mmirati lejn il-ħolqien ta’ ambjent li jsaħħaħ il-kompetittività aktar milli jżid burokrazija bla bżonn. 

F’dan il-kuntest, l-MFA qalet li tapprezza l-isforzi kontinwi tal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) permezz tal-Kumitat Permanenti dwar il-Finanzi Diġitali biex tippromwovi l-konverġenza superviżorja u ssegwi kwistjonijiet bħall-arbitraġġ regolatorju u superviżorju. L-MFSA qalet tappoġġja bis-sħiħ dawn l-inizjattivi u appellat biex dawn l-isforzi jissaħħu sabiex jiġu indirizzati b’mod effettiv ir-riskji emerġenti.

L-MFSA qalet wkoll li qed timplimenta b’diliġenza r-rakkomandazzjonijiet magħmula kemm għal Malta kif ukoll għall-Awtoritajiet Kompetenti Nazzjonali (NCAs) madwar l-Ewropa bħala parti mir-Reviżjoni Bejn il-Pari (Peer Review) li għadha kif intemmet mill-ESMA dwar l-Awtorizzazzjoni u s-Superviżjoni tal-CASPs. L-awtorità qed iżżomm lill-ESMA u supervisuri oħra infurmati dwar dan il-proċess. 

Reviżjonijiet bejn il-pari huma għodda vitali biex tissaħħaħ il-konverġenza superviżorja fost l-Istati Membri, u l-MFSA qalet li tappoġġja bis-sħiħ l-isforzi tal-ESMA f’dan ir-rigward. L-MFSA tikkoopera mill-qrib u b’mod trasparenti mal-ESMA biex tippromwovi ambjent ta’ superviżjoni konsistenti u effettiv.

L-MFSA qalet li se tibqa’ tirsisti għal għal superviżjoni kollaborattiva, djalogu kostruttiv u eċċellenza superviżorja, filwaqt li tkompli taħdem biex tissalvagwardja l-integrità tas-suq u tappoġġja l-innovazzjoni u t-tkabbir.

 

More in Kummer?jali