Il-Bank of Valletta jħabbar li laħaq ftehim ma’ Bank of New York Mellon Corporation (BNY) sabiex dan iservi ta’ Bank Korrispondenti. B’din ir-relazzjoni bankarja ma’ kumpanija globali tas-servizzi finanzjarji, mistennija titjieb l-aċċessibilità tan-negozjar fid-Dollaru Amerikan għall-klijenti tal-BOV. Dan huwa t-tieni Bank Amerikan li qed jipprovdi din il-faċilità, wara li ftit tas-snin ilu, kienet ġiet stabbilita relazzjoni oħra ma’ Citibank.
Il-Kap Eżekuttiv tal-BOV, Kenneth Farrugia b’sodisfazzjon saħaq li “Permezz tal-kollaborazzjoni ma’ BNY, se nkomplu nsaħħu l-possibbiltà li noffru lill-klijenti tagħna soluzzjonijiet bankarji internazzjonali, effiċjenti u li tista’ torbot fuqhom. Dan ukoll, jirrifletti l-impenn kontinwu tagħna li ntejbu l-esperjenza tal-klijenti meta jiġu biex jaċċessaw swieq, investimenti u stokks globali internazzjonali.”
Min-naħa tiegħu ċ-Chairperson tal-Bank of Valletta, Dr Gordon Cordina żied jgħid li, “Ir-relazzjoni ma’ BNY kienet titlob li jintlaħqu rekwiżiti u proċessi rigorużi sabiex bank bħal tagħna jkun jista’ jaħdem ma’ istituzzjoni finanzjarja globali ta’ dan il-livell. Dan ikompli jixhed kemm il-Bank of Valletta jinsab f’qagħda finanzjarja b’saħħitha u jżomm reputazzjoni għolja mibnija tul is-snin. Apparti l-kunfidenza tas-suq u l-fiduċja tal-azzjonisti, il-prestazzjoni tagħna ġiet rikonoxxuta wkoll minn aġenziji ta’ kreditu internazzjonali bħalma huma Fitch Ratings u S&P Global.”
Aktar kmieni din is-sena, il-Bank of Valletta kompla jespandi r-relazzjoni tiegħu ma’ banek korrispondenti oħra, inkluż mal-Bank UBS tal-Iżvizzera sabiex ikun jista’ jipprovdi soluzzjonijiet ta’ pagamenti u negozjar f’parti kbira tal-muniti Ewropej li ma jiffurmawx parti miż-żona ewro, fosthom fil-munita tal-Iżvizzera, Daniża, Żvediża, Pollakka, Ungeriża u Ċeka. Biż-żieda tar-relazzjoni ma’ BNY, se jkun qed jiżdied is-servizz u titjieb il-flessibilità u l-aċċess għall-pagamenti fid-Dollaru Amerikan.