454 impjegati mal-KM Malta Airlines

Żieda ta' kważi 70 impjegat mis-sena l-oħra 'l hawn

Il-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana qal li bħalissa hemm 454 impjegati mal-linja nazzjonali tal-ajru KM Malta Airlines, 434 fuq bażi full-time u 20 fuq bażi part-time.

Dawn in-numru ħarġu waqt is-seduta parlamentari tat-Tnejn meta d-deputat Nazzjonalista Ivan Castillo staqsa lil Caruana fuq in-numru ta' ħaddiema mal-linja tal-ajru, fuq liem bażi kif ukoll il-grad tagħhom. Skont il-karti mpoġġija fuq il-mejda, mill-454 impjegat, il-maġġoranza tagħhom (191) huma cabin crew u 97 minnhom huma bdoti.

59 mill-454 huma inġiniera, 37 għandhom grad ta' maniġer jew speċjalist filwaqt li 20 minnhom huma eżekuttiv ta' grad għolja (senior executive) u 16-il eżekuttiv ta' grad normali. 5 minnhom huma uffiċjali, 17 huma kappijiet, ħamsa huma diretturi, erba' huma uffiċjali ta' grad għolja (chief officers), tnejn huma diretturi fuq il-board u finalment, persuna waħda għandha l-kariga ta' kap eżekuttiv.

Din hi żieda ta' 69 minn numru provdut f'Novembru mill-istess ministru meta d-Deputat Mario De Marco staqsih kemm hemm impjegati, fuq liem bażi, u liem minnhom kienu ħaddiema tal-Air Malta. Fir-risposta provduta għal dik il-mistoqsija, Caruana kien qal li hemm 385 impjegat mal-KM, 375 fuq bażi full-time u 14 fuq bażi part-time. 231 minn dawn it-375 kienu impjegati mal-Air Malta.

Caruana riċentament ta ċifri simili fuq il-programm Xtra ma' Saviour Balzan. Il-ministru qal li hemm madwar 420 ruħ impjegata mal-kumpanija, wara li l-kumpanija Air Malta, il-predeċessur tal-KM, kellha madwar 1,000 ruħ impjegati magħha. Skont Caruana, madwar 300 minn dawk li tilfu l-impjieg tagħhom ingħataw impjieg alternattiv mal-Gvern filwaqt li t-300 l-oħra bbenefikaw mill-iskema tal-irtirar kmieni, li swiet lil Gvern madwar €60 miljun.
 

More in Kummer?jali