“It-tkabbir ekonomiku mhux qed iwassal għal ħajja aħjar għall-ħaddiema” – Moviment Graffitti
Qabel il-Budget 2027, Moviment Graffitti jitlob miżuri konkreti biex il-ħaddiema jkollhom aktar ħin għall-familja u l-ħajja personali • Jipproponi ġimgħa tax-xogħol iqsar, aktar flessibbiltà u leave adegwat għall-ġenituri u dawk li jieħdu ħsieb qrabathom
minn Jaelle Borg
It-tkabbir ekonomiku li Malta qed tirreġistra mhux qed jissarraf f’kwalità ta’ ħajja aħjar għall-ħaddiema u l-familji tagħhom, skont Moviment Graffitti, li qed jitlob bidla fil-prijoritajiet ekonomiċi tal-Gvern qabel il-preżentazzjoni tal-Budget 2027.
Fi stqarrija maħruġa ftit jiem qabel il-Budget, li se jitressaq nhar it-Tnejn 26 ta’ Ottubru mill-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana, il-moviment sostna li s-suċċess ekonomiku m’għandux jitkejjel biss miż-żieda fl-attività ekonomika.
“L-attività ekonomika trid tkun organizzata madwar il-ħajja tan-nies, u mhux bil-kontra,” qal il-moviment.
Skont Moviment Graffitti, minkejja t-tkabbir mgħaġġel tal-ekonomija, ħafna ħaddiema għadhom jiffaċċjaw diffikultajiet li qed inaqqsu mill-kwalità tal-ħajja tagħhom.
Fost dawn semma l-għoli tal-ħajja, il-prezzijiet tal-kera u tal-proprjetà, pagi baxxi, kundizzjonijiet tax-xogħol prekarji f’ċerti setturi u l-ammont kbir ta’ karozzi fit-toroq.
Il-moviment qal li n-nuqqas ta’ miżuri effettivi biex jinżamm bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata qed ikompli jżid il-pressjoni fuq il-ħaddiema.
Jipproponi ġimgħa tax-xogħol iqsar u aktar flessibbiltà
Moviment Graffitti qed jitlob lill-Gvern biex jitbiegħed minn mudell ekonomiku li fih il-ħaddiema jkollhom iżidu s-sigħat tax-xogħol jew isibu t-tieni impjieg biex ilaħħqu mal-ispejjeż ta’ kuljum.
Il-moviment sostna li lanqas mhi soluzzjoni biżżejjed li ż-żieda fis-sigħat tax-xogħol tal-ġenituri tiġi indirizzata biss b’aktar servizzi ta’ childcare, jew li l-konġestjoni tat-traffiku tiġi indirizzata billi titwessa’ l-kapaċità tat-toroq.
Minflok, qed jipproponi miżuri li jagħtu aktar kontroll lill-ħaddiema fuq il-ħin tagħhom.
Fost il-proposti hemm aktar opportunitajiet għal xogħol flessibbli u xogħol mid-dar għal dawk li jistgħu jwettqu dmirijiethom b’dan il-mod.
Skont il-moviment, dawn il-miżuri mhux biss inaqqsu l-ħtieġa ta’ vjaġġar ta’ kuljum, iżda jippermettu wkoll lill-ħaddiema jorganizzaw aħjar ir-responsabbiltajiet personali u familjari tagħhom.
Moviment Graffitti qed jappella wkoll għall-introduzzjoni ta’ ġimgħa tax-xogħol iqsar, li tagħti aktar ħin għall-mistrieħ, għall-familja, għall-ħbieb u għall-parteċipazzjoni fil-komunità.
Aktar leave għall-ġenituri u dawk li jieħdu ħsieb qrabathom
Il-moviment saħaq ukoll fuq il-ħtieġa ta’ leave adegwat għall-ġenituri u għal persuni li għandhom responsabbiltajiet ta’ kura.
Skont Graffitti, il-ħaddiema għandhom ikunu jistgħu jieħdu ħsieb lil uliedhom jew qrabathom mingħajr ma jkollhom iġarrbu telf fid-dħul tagħhom.
Il-moviment sostna li miżuri bħal dawn jistgħu wkoll jgħinu lill-familji li jixtiequ jkollhom aktar tfal.
Fl-istess waqt, qal li l-politiki dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għandhom iqisu wkoll il-ħtiġijiet ta’ persuni b’diżabbiltà u dawk li jgħixu b’mard kroniku.
L-għan, skont il-moviment, għandu jkun li kulħadd ikollu opportunità jaqla’ l-għajxien tiegħu mingħajr ma jkollu jissagrifika saħħtu, l-indipendenza tiegħu jew il-kwalità tal-ħajja.
Moviment Graffitti semma wkoll l-importanza tad-dritt tal-ħaddiema li jinqatgħu mill-obbligi tax-xogħol barra l-ħinijiet tax-xogħol tagħhom.
Jikkritika n-nuqqas ta’ progress fil-wegħdiet tal-Gvern
Il-moviment fakkar li l-Gvern ilu diversi snin iwiegħed miżuri effettivi dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata fil-manifesti elettorali tiegħu.
Madankollu, sostna li l-implimentazzjoni ta’ dawn il-wegħdiet għadha 'l bogħod minn dak li hemm bżonn.
Graffitti qal li ekonomija b’saħħitha għandha tippermetti lin-nies mhux biss jaqilgħu l-flus, iżda wkoll jgħixu b’dinjità u jkollhom ħin biex jistrieħu, jieħdu ħsieb lill-oħrajn u jsegwu l-interessi tagħhom barra x-xogħol.
Il-moviment insista li l-benefiċċji tat-tkabbir ekonomiku għandhom jaslu għand il-ħaddiema u l-familji tagħhom, aktar milli jservu prinċipalment l-interessi ta’ negozji b’saħħithom.
“It-tkabbir ekonomiku ma jistax jibqa’ jitqies bħala l-uniku indikatur tal-progress soċjali,” temm jgħid Moviment Graffitti.
