L-Assoċjazzjoni tal-Istaff Akkademiku tal-Università ta’ Malta, l-UMASA, infurmat lir-Rettur li se tiddikjara azzjoni industrijali formali jekk l-arretrati dovuti lill-akkademiċi ma jitħallsux kollha fil-paga li jmiss.
Fi stqarrija maħruġa l-Erbgħa, il-Kunsill tal-UMASA qal li, minkejja pressjoni ripetuta fuq il-Ministru, ir-Rettur u t-tmexxija tal-Università, il-pagi l-aktar riċenti ma inkludewx l-arretrati dovuti taħt il-ftehim kollettiv iffirmat f’Mejju.
Il-ftehim kollettiv kien ġie approvat minn 95% tal-membri tal-unjin.
Il-ftehim, li jibqa’ fis-seħħ sal-2029, introduċa struttura ġdida ta’ pagi b’żidiet sostanzjali għall-gradi akkademiċi kollha bejn l-2024 u l-2029.
Daħħal ukoll tibdil fir-regoli tal-promozzjoni, fir-rikonoxximent tar-riċerka u fl-estensjonijiet wara l-età tal-irtirar.
Peress li l-ftehim jinkludi żieda inizjali ta’ bejn 12% u 13% b’effett retroattiv mill-2024, l-akkademiċi issa huma dovuti ammonti sostanzjali f’arretrati.
Skont l-istimi, professuri jistgħu jkunu dovuti bejn €25,000 u €30,000, filwaqt li lecturers u senior lecturers jistgħu jkunu dovuti bejn €17,000 u €20,000.
Assistant lecturers u teaching associates, min-naħa tagħhom, huma stmati li għandhom jirċievu bejn €10,000 u €12,000.
“Qed nirriżervaw id-dritt li nieħdu azzjoni industrijali,” qalet l-UMASA, filwaqt li żiedet li se tagħti aktar aġġornamenti skont kif tiżviluppa s-sitwazzjoni.