Il-Ministru għall-Intern Glenn Bedingfield qal li kull deċiżjoni tal-Qorti trid tiġi rispettata, iżda qal li jifhem id-“diżappunt” tal-Pulizija wara li Jaden Degiorgio ngħata l-ħelsien mill-arrest fuq akkużi marbuta mat-traffikar tad-droga.
Bedingfield kien qed iwieġeb mistoqsija parlamentari tad-deputata Laburista Romilda Zarb it-Tnejn, li talbitu jgħid x’jaħseb dwar id-deċiżjoni tal-Qorti fil-konfront ta’ Degiorgio, iben George Degiorgio.
“Il-ġudikatura hija indipendenti. Kull deċiżjoni tal-Qorti trid tiġi rispettata, iżda nista’ nifhem id-diżappunt tal-Pulizija,” qal Bedingfield fil-Parlament.
Huwa faħħar ukoll lill-Pulizija għall-ħidma tagħha fl-investigazzjonijiet dwar ċrieki ta’ allegat traffikar tad-droga, iżda ma kkummentax aktar dwar il-każ speċifiku.
Jaden Degiorgio, ta’ 21 sena, kien ingħata l-ħelsien mill-arrest fl-10 ta’ Ottubru wara li wieġeb mhux ħati ta’ akkużi fosthom pussess aggravat, traffikar u importazzjoni ta’ eroina u kokaina, kif ukoll assoċjazzjoni ma’ persuni oħra għall-bejgħ u t-traffikar tad-droga u ħasil ta’ flus.
Il-Qorti kienet semgħet li l-investigazzjoni bdiet fl-24 ta’ Settembru, meta l-Pulizija arrestat żewġ persuni fil-Mellieħa, fosthom lil Degiorgio. Aktar tard, l-investigaturi rabtuh ma’ garaxx fejn instabu madwar 20.7kg sustanza suspettata eroina u 7.7kg sustanza suspettata kokaina.
Il-Maġistrat Lara Lanfranco laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest b’depożitu ta’ €30,000, li jinkludi garanzija ta’ terza persuna ta’ €20,000, flimkien ma’ garanzija personali ta’ €50,000. Degiorgio ġie ordnat ukoll jiffirma l-għassa darbtejn kuljum.