Il-Maġistrat Nadine Sant Lia esprimiet rabja u frustrazzjoni għad-dewmien ripetut biex priġunieri jitwasslu fl-awli tal-Qorti, tant li wissiet li s-sitwazzjoni saret inaċċettabbli u li kienet se tiġbed l-attenzjoni tad-Direttur tal-Ħabs u tal-Ministru għall-Intern Glenn Bedingfield dwar dak li qed jiġri.
Il-kwistjoni qamet waqt is-seduti tal-Ġimgħa filgħodu, meta l-Maġistrat tal-għassa ta’ dakinhar kellha quddiemha diversi kawżi, fosthom persuni li kellhom jitressqu taħt arrest u priġunieri li kellhom jittellgħu fl-awla mill-uffiċjali korrettivi.
F’każ minnhom, il-Qorti damet tistenna aktar minn siegħa biex priġunier jittella’ mill-post fejn jinżammu l-persuni taħt kustodja, minkejja li kienu saru diversi talbiet biex jitressaq quddiem il-Maġistrat.
Minħabba dan id-dewmien, il-Maġistrat kellha tkompli tisma’ kawżi oħra, fosthom tressiq ta’ persuni taħt arrest, filwaqt li l-priġunier baqa’ ma tfaċċax fl-awla.
F’ħin minnhom, il-Maġistrat Nadia Sant Lia sejħet uffiċjal korrettiv u ċanfritu dwar is-sitwazzjoni, filwaqt li saħqet li din ma kinitx l-ewwel darba li seħħ dewmien bħal dan u li ma setgħetx tibqa’ tittollerah.
Hija insistiet li ma kien hemm ebda skuża għal kemm kien qed jittieħed ħin biex priġunieri jitwasslu quddiem il-Qorti.
“Iddaħħluhom ġol-lift u titilgħu hawn fuq,” irrimarkat il-Maġistrat, filwaqt li esprimiet l-istagħġib tagħha għall-ħin twil li kien qed jittieħed biex il-priġunieri jittellgħu fl-awla.
Id-dewmien kellu wkoll konsegwenzi fuq id-difiża tal-akkużat. L-avukata tiegħu, li kienet ilha tistenna biex tissejjaħ il-kawża, kellha eventwalment titlaq sabiex tattendi seduta oħra.
Sakemm il-priġunier finalment ittella’ fl-awla, l-avukata tiegħu ma kinitx għadha preżenti.
Quddiem din is-sitwazzjoni, il-Maġistrat iddettat nota formali biex titniżżel fl-atti tal-Qorti, li fiha esprimiet id-diżappunt tagħha għad-dewmien u indikat li kienet se tressaq il-kwistjoni għall-attenzjoni tad-Direttur tal-Ħabs u tal-Ministru għall-Intern Glenn Bedingfield.
Waqt li indirizzat direttament lill-akkużat, il-Maġistrat Sant Lia spjegatlu li, minħabba d-dewmien biex ittella’ fl-awla, kien spiċċa tilef is-seduta tiegħu, minkejja li dan ma kienx tort tiegħu.
Hija reġgħet saħqet li sitwazzjoni bħal din kienet inaċċettabbli.
Fin-nuqqas tal-avukat tad-difiża, il-Qorti ma kellhiex għażla oħra ħlief li tipposponi l-kawża għal data oħra.
L-inċident kompla jixħet dawl fuq l-inkonvenjent li d-dewmien fit-trasferiment tal-priġunieri lejn l-awli qed joħloq fl-andament tas-seduti, bil-Maġistrat tagħmilha ċara li din il-problema rikorrenti ma setgħetx tibqa’ għaddejja mingħajr ma tittieħed azzjoni.