Seqer tal-Ħannieqa ferut b’tiri jiġi salvat fil-Miżieb

BirdLife Malta tgħid li l-għasfur instab ftit wara li ntlaqat minn tiri ta’ senter, filwaqt li fil-qrib kien hemm kaċċaturi jfittxuh bit-torches • Veterinarju tal-Gvern ikkonferma l-ġrieħi u s-seqer issa se jgħaddi minn rijabilitazzjoni

Ritratt: Birdlife
Ritratt: Birdlife

Seqer tal-Ħannieqa ġie salvat fil-Miżieb il-Ġimgħa filgħaxija, ftit mumenti wara li allegatament safa ferut minn tiri ta’ senter, skont BirdLife Malta.

L-għaqda qalet li l-għasfur instab grazzi għall-intervent f’waqtu ta’ membru tal-pubbliku. Skont BirdLife, fil-qrib kien hemm kaċċaturi li kienu qed ifittxu lis-seqer bit-torches.

Veterinarju tal-Gvern aktar tard ikkonferma li l-għasfur kien intlaqat minn tiri ta’ senter. Is-seqer issa se jgħaddi minn proċess ta’ rijabilitazzjoni.

BirdLife sostniet li l-għasfur ġie salvat ftit qabel ma seta’ nqatel u jittieħed biex jiġi bbalzmat. L-għaqda rabtet il-każ mad-dibattitu dwar il-kaċċa illegali u mal-proposti li jistgħu jwasslu għal tnaqqis fil-pieni għal reati li jinvolvu tajr protett.

BirdLife qalet li l-każ juri, fil-fehma tagħha, il-ħtieġa għal aktar protezzjoni għall-għasafar selvaġġi u mhux għal tnaqqis fis-sanzjonijiet.

More in Kronaka