“Bla saħħa, poġġejt fuq ġebla u assorbejt ir-realtà” – is-Surġent Ryan jasal fl-Everest Base Camp
Wara ġranet ta’ tlajja’ wieqfa, borra, ossiġnu dejjem jonqos u sigħat fejn il-ġisem ried jieqaf, is-Surġent Ryan Mifsud Schembri wettaq l-isfida tiegħu u wasal sal-Everest Base Camp – mixja li għamilha biex iqajjem kuxjenza dwar il-vittmi tat-terroriżmu u l-effett li att wieħed jista’ jħalli fuq familji, komunitajiet u first responders sħaħ.
minn Jaelle Borg
Meta fl-aħħar wasal fl-Everest Base Camp, ma kienx hemm ċelebrazzjoni kbira jew xi diskors ippjanat minn qabel. Kien hemm biss għeja kbira, ġebla fejn seta’ joqgħod, u ftit ħin biex jifhem x’kien għadu kemm wettaq.
“Sempliċiment bla saħħa,” jgħid Spiteri bi tbissima meta mistoqsi x’kien l-ewwel ħsieb li għaddielu minn moħħu.
Imbagħad il-mument beda jsir realtà.
“Poġġejt fuq ġebla, nistrieħ u nassorbi r-realtà, li rnexxieli nasal u rnexxieli nilħaq ħolma li dejjem kelli.”
Iżda l-wasla ma kinitx biss it-twettiq ta’ ambizzjoni personali. It-track tiegħu kellu miegħu messaġġ usa’: li wara t-terroriżmu u l-kriminalità hemm ħafna aktar vittmi milli jidhru fl-ewwel daqqa t’għajn.
Il-vjaġġ lejn Everest Base Camp poġġa lil Spiteri wiċċ imb wiċċ ukoll mal-limiti tiegħu stess.
Hu jgħid li qatt ma wasal f’punt fejn emmen li ma kienx se jirnexxilu jasal. Jaf, jgħid, kemm jista’ jkun “rasu iebsa” meta jkun determinat. Dan minkejja li t-temp kien diġà waqqaf gruppi oħra qablu, li kellhom iduru lura.
Fil-fatt, skont Spiteri, hu kien l-ewwel persuna tal-istaġun li rnexxielha tilħaq l-Everest Base Camp fost dawk li kienu qed jagħmlu t-track permezz tal-kumpanija li pprovdietlu l-assistenza tal-gwidi u x-Sherpas.
Il-fiduċja li kien se jasal, iżda, ma tfissirx li l-vjaġġ kien faċli.
“Kien hemm mumenti kważi kuljum li spiċċajt bla saħħa,” jgħid.
U kien proprju hemmhekk li l-isfida bdiet tinbidel minn waħda purament fiżika għal waħda mentali.
“Trid tikkonvinċi lill-ġisem li huwa kollox mentalment, u meta jirnexxilek tegħleb dik il-barriera, tiskopri kemm inti kapaċi tagħmel ħafna affarijiet.”
Sigħat ta’ tlajja’ u borra ta’ tliet piedi
Fost l-agħar jiem, Spiteri jsemmi t-tieni u r-raba’ jum tat-track, meta għal sigħat sħaħ il-mixja kienet tikkonsisti fi tlajja’ twal u wieqfa.
Iżda s-seba’ jum ġab miegħu sfida differenti.
F’altitudni dejjem ogħla, fejn il-livell tal-ossiġnu jibda jinħass sew, it-trackers kellhom jaffaċċjaw ukoll borra fonda madwar tliet piedi.
Qabilhom intbagħtu yaks biex jiftħu passaġġ u jagħmlu r-rotta ftit aktar aċċessibbli. Xorta waħda, jgħid Spiteri, it-telgħa baqgħet “wieqfa, perikoluża u diffiċli ħafna”.
L-ikel filgħodu, f’nofsinhar u filgħaxija kien jagħtih l-enerġija meħtieġa, iżda meta tkun ilek sigħat tiela’ mingħajr waqfien, l-akbar battalja ma tibqax fir-riġlejn.
Tibda fil-moħħ.
F’dawk il-mumenti, Spiteri kien inaqqas id-dinja ta’ madwaru għal ħaġa waħda biss: il-pass li jmiss.
“Kont niffoka moħħi fuq pass wara pass wara pass,” jgħid.
Mhux fuq kemm kien għad fadallu. Mhux fuq is-sigħat li kien għad irid jimxi. Biss fuq il-pass ta’ quddiemu.
“Ma tkunx lest meta tkun għajjien, imma meta tkun wasalt”
Fl-istess ħin, jgħid li d-determinazzjoni ma tfissirx li wieħed jinjora lill-ġisem.
Kien importanti li jsib bilanċ bejn li jimbotta lilu nnifsu u li jagħraf meta għandu jieqaf għal ftit biex jistrieħ u jevita injury.
Iżda mbagħad kellu jerġa’ jikkonvinċi lilu nnifsu biex ikompli.
“Trid tikkonvinċi lilek innifsek li tkun lest mhux meta tkun għajjien iżda meta tkun wasalt. Keep going, slow and steady.”
F’dawk l-altitudnijiet, anke n-nifs innifsu jsir xi ħaġa li wieħed ma jistax jibqa’ jieħu for granted.
Spiteri jgħid li l-esperjenza għamlitu konxju ħafna aktar ta’ kemm il-ġisem irid jaħdem f’dawk il-kundizzjonijiet. Jiddeskrivi kif kull ftit nifsijiet hemm fuq iħossuhom bħallikieku jagħtuk dak li normalment jieħu minn nifs wieħed f’altitudni aktar baxxa.
Meta ma tarax fejn se tispiċċa t-triq quddiemek, jgħid, tinħoloq ġlieda kostanti bejn is-saħħa fiżika u dik mentali.
L-Everest urietu wkoll kemm nieħdu affarijiet sempliċi for granted
Iżda l-vjaġġ ma għallmux biss dwar kemm seta’ jimbotta lilu nnifsu.
Il-ħajja fost il-komunitajiet tax-Sherpas wasslitu biex iħares b’mod differenti lejn il-kumditajiet li ħafna jqisu bħala parti normali mill-ħajja ta’ kuljum.
Internet. Mobile network. Ilma. Elettriku. Toilet paper. Shower sħun.
Affarijiet ordinarji f’Malta, iżda mhux bilfors hemmhekk.
Spiteri jirrakkonta kif f’ċerti komunitajiet l-ilma jittieħed mix-xmajjar u jitgħalla, filwaqt li l-elettriku ġej minn solar panels li jiċċarġjaw batteriji biex jintużaw għal ħtiġijiet bażiċi filgħaxija.
Toilet jew shower wieħed jew tnejn jaf ikollhom jinqasmu minn binja sħiħa, filwaqt li shower sħun u internal heating “kważi ma jeżistux”.
Anke l-ikel u l-ilma tax-xorb jintużaw b’attenzjoni kbira.
Ftit li xejn jinħela, għax kull provista ġdida trid tasal hemm b’xi mod — ħafna drabi fuq dahar persuni jew yaks li jimxu kilometri sħaħ iġorru l-merkanzija.
Għal Spiteri, il-kuntrast kien qawwi.
“Irrealizzajt kemm aħna nies materjali u dipendenti fuq ċerti affarijiet,” jgħid. “Meta tara komunitajiet sħaħ ta’ Sherpas jgħixu sempliċi u b’riżorsi skarsi ħafna, tirrealizza kemm aħna għandna ħajja aktar faċli.”
Il-mixja tispiċċa, iżda l-messaġġ jibqa’
Issa li wasal fejn ried jasal, Spiteri ma jistenniex li kull persuna li segwiet il-vjaġġ tiegħu tiftakar kull informazzjoni jew kull messaġġ li pprova jaqsam matul l-inizjattiva.
Jittama, iżda, li jibqa’ ħsieb wieħed.
Meta jseħħ attakk terroristiku — jew anke reat ieħor — in-numru ta’ vittmi mhux dejjem jieqaf mal-persuna li tkun intlaqtet direttament.
Warajha jista’ jkun hemm familja. Ħbieb. Xhieda. Komunità. First responders. Persuni li jkollhom jgħixu mal-konsegwenzi ta’ dak li raw jew esperjenzaw ħafna wara li l-aħbar tkun għaddiet.
“Wara kull attakk, kemm mit-terroriżmu kif ukoll minn kwalunkwe reat ieħor, jaf ikun hemm ħafna aktar vittmi milli wieħed jippretendi,” jgħid Spiteri.
U wara ġranet sħaħ jimxi lejn wieħed mill-aktar postijiet remoti u diffiċli fid-dinja, dik hija l-idea li jixtieq iġib lura miegħu.
“It-terroriżmu u l-kriminalità m’għandhomx fruntieri ta’ pajjiżi,” jgħid.
“U lanqas għandu jkollha l-kompassjoni.”
