DBRS tgħolli l-klassifikazzjoni ta’ Malta għal ‘A’ bi prospetti stabbli
L-aġenzija tbassar tkabbir reali ta’ 3.8% fl-2026 u 3.6% fl-2027, iżda tgħid li l-ispiża tas-sussidji fuq l-enerġija u żieda fl-infiq pubbliku se jkomplu jagħmlu pressjoni fuq id-defiċit • Tirreferi wkoll għal produttività baxxa u deterjorament f’ċerti indikaturi ta’ governanza
minn Jaelle Borg
Morningstar DBRS ikkonfermat il-klassifikazzjoni ta’ Malta f’A (high) bi prospetti stabbli, filwaqt li qalet li l-ekonomija kompliet tikber b’ritmu b’saħħtu iżda qed tiffaċċja riskji marbuta mal-ispiża tas-sussidji tal-enerġija, l-infiq pubbliku, il-produttività u l-governanza.
Skont ir-rapport maħruġ fid-9 ta’ Ottubru, il-PDG reali ta’ Malta kiber b’4.4% fl-ewwel nofs tal-2026 meta mqabbel mal-istess perjodu tas-sena ta’ qabel. DBRS qalet li dan kien sostnut minn domanda domestika b’saħħitha u żieda fl-esportazzjoni tas-servizzi turistiċi. Il-Bank Ċentrali ta’ Malta qed ibassar tkabbir ta’ 3.8% fl-2026 u 3.6% fl-2027.
L-aġenzija nnutat li t-tkabbir fl-ewwel nofs tal-2026 kien ferm ogħla mill-1.2% irreġistrat għall-Unjoni Ewropea kollha. Qalet ukoll li l-konsum privat ġie sostnut mit-tnaqqis fit-taxxa fuq id-dħul għall-familji u mis-sussidji fuq l-enerġija, filwaqt li l-wasliet turistiċi żdiedu bi 18.6% fl-ewwel seba’ xhur tas-sena.
Madankollu, DBRS wissiet li ż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija importata qed iżżid il-piż fiskali tas-sussidji. Hija qalet li d-defiċit tal-Gvern x’aktarx jerġa’ jikber fl-2026, għalkemm mistenni jibqa’ taħt il-limitu ta’ 3% tal-PDG tal-UE.
L-aġenzija qalet li l-ispiża tas-sussidji tal-enerġija mistennija titla’ minn 0.8% tal-PDG fl-2025 għal 1.4% fl-2026. Żiedet li n-nefqa totali tal-Gvern żdiedet b’17.1% bejn Jannar u Awwissu 2026 meta mqabbla ma’ sena qabel, fost żidiet fil-pagi pubbliċi, pensjonijiet u investiment.
Fl-istess ħin, id-dejn pubbliku jibqa’ wieħed mill-punti pożittivi fl-evalwazzjoni. F’Marzu 2026, id-dejn tal-Gvern kien 45.9% tal-PDG, meta mqabbel ma’ medja mhux ponderata ta’ 66.8% fost pajjiżi oħra tal-UE. DBRS qalet li dan jagħti lill-Gvern ċertu spazju fiskali biex jirreaġixxi għal xokkijiet ekonomiċi jekk ikun hemm bżonn.
Produttività u pressjoni fuq l-infrastruttura
Ir-rapport jenfasizza wkoll sfida aktar fit-tul: il-bżonn li Malta tbiddel mudell ta’ tkabbir ibbażat ħafna fuq żieda fil-ħaddiema għal wieħed immexxi aktar mill-produttività.
DBRS qalet li bejn l-2015 u l-2025 il-popolazzjoni ta’ Malta żdiedet b’madwar 31%, l-ogħla rata ta’ tkabbir fl-UE, fil-biċċa l-kbira minħabba migrazzjoni tax-xogħol. Wissiet li aktar tkabbir qawwi fil-popolazzjoni jista’ jkompli jagħmel pressjoni fuq l-infrastruttura ta’ pajjiż li diġà għandu densità għolja.
L-aġenzija qalet ukoll li l-produttività tax-xogħol f’setturi ewlenin, fosthom it-turiżmu, tibqa’ relattivament baxxa. 490982
Banek b’saħħithom, iżda dipendenza kbira fuq il-proprjetà
DBRS iddeskriviet il-pożizzjoni finanzjarja tal-banek lokali bħala b’saħħitha, b’livelli tajbin ta’ kapital u likwidità u rata baxxa ta’ self problematiku.
Madankollu, qalet li hemm riskju ta’ konċentrazzjoni minħabba l-espożizzjoni kbira tas-settur bankarju għall-proprjetà. F’Awwissu 2026, self marbut mal-kostruzzjoni, mortgages u real estate kien jammonta għal 72.7% tas-self kollu mogħti mill-banek residenti lis-settur privat.
DBRS tindika dgħufijiet fil-governanza
Fil-qasam tal-governanza, DBRS qalet li Malta għandha ambjent politiku stabbli iżda għad hemm lok għal titjib.
Ir-rapport jgħid li Malta tqabbel relattivament ħażin ma’ pajjiżi oħra tal-UE fuq l-indikatur tal-kontroll tal-korruzzjoni u li ċerti indikaturi tal-governanza marru lura f’dawn l-aħħar snin.
DBRS kompliet tgħid li l-pajjiż jinsab qrib il-medja tal-UE fuq Voice and Accountability u Rule of Law, iżda jmur agħar fuq Government Effectiveness u b’mod partikolari fuq Control of Corruption. Hija rrimarkat ukoll li l-Kummissjoni Ewropea rat progress f’ċerti riformi, iżda baqgħet tindika l-ħtieġa għal aktar titjib fl-indipendenza tal-ġudikatura u fil-prosekuzzjoni effettiva ta’ każijiet ta’ korruzzjoni.
Riskji klimatiċi u emissjonijiet
Fil-parti ambjentali, DBRS qalet li Malta għandha emissjonijiet per capita relattivament baxxi meta mqabbla ma’ pajjiżi oħra tal-UE, iżda fl-istess ħin ilha tmur lura meta mqabbla mal-bqija tal-Unjoni fit-tnaqqis tal-emissjonijiet.
L-aġenzija qalet li l-emissjonijiet minn setturi bħat-trasport domestiku u l-bini żdiedu b’43% bejn l-2005 u l-2024, meta fl-UE kollha naqsu bi 18%. Dan, qalet, jagħmel il-miri klimatiċi tal-2030 aktar diffiċli biex jintlaħqu.
B’mod ġenerali, DBRS qalet li r-riskji għall-klassifikazzjoni ta’ Malta bħalissa huma bilanċjati. Titjib sostanzjali fit-trajettorja tad-dejn u reżiljenza akbar għal xokkijiet esterni jistgħu jwasslu għal upgrade, filwaqt li deterjorament sinifikanti fid-dejn pubbliku, tkabbir dgħajjef jew tnaqqis fil-kwalità istituzzjonali jistgħu jwasslu għal downgrade
